Kunċert ta' mużika ċinematografika b'risq il-MCCF | One News

Notifiki

Kunċert ta’ mużika ċinematografika b’risq il-MCCF

Il-bitħa tal-Palazz ta’ San Anton se tinbidel fi spettaklu ta’ mużika ċinematografika, hekk kif nhar is-Sibt li ġej se jittella’ l-kunċert “Movies at the Palace”.

Kunċert li, organizzat mis-Soċjetà Filarmonika l-Unjoni ta’ Ħal Luqa, huwa msejjes fuq il-mużika ta’ wħud mill-aqwa suċċessi fid-dinja taċ-ċinema, fosthom Gladiator, The Da Vinci Code, Star Wars, The Lord of the Rings, The Chronicles of Narnia, Transformers, The Last of the Mohicans, The Missing, James Bond 007 u The Mask of Zorro.

Id-direzzjoni se tkun f’idejn il-Mro. John David Zammit, li ħa ħsieb ħafna mill-arranġamenti mużikali, b’uħud minnhom se jiġu nterpretati għall-ewwel darba f’pajjiżna.

Il-Coro Bel Canto se jkun kompost minn xejn anqas minn erbgħin korista, filwaqt li mal-banda se jingħaqdu għadd ta’ strumenti orkestrali bħal vjolini, vjolinċelli, kontrabaxxi, l-arpa, il-fagott u oħrajn.

L-atmosfera fil-bitħa tal-Palazz ta’ San Anton se tinbidel f’waħda maġika, b’effetti speċjali ta’ ħsejjes u dwal li jikkumplimentaw il-mużika li se tkun esebita.

Il-kunċert se jittella’ taħt il-patronċinju tal-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca b’risq il-Malta Community Chest Fund.

Biljetti b’donazzjoni ta’ 7 ewro jistgħu jinkisbu minn fuq is-sit www.ticketline.com.mt.

Il-kunċert jibda fis-7.30pm, u għal aktar taghrif wieħed jista’ jżur is-sit elettroniku www.unionbandmalta.org.

Din l-attivita’ qed tittella’ bl-għajnuna tal-iskema ‘Komunitajiet Kreattivi’ tal-Kunsill Malti għall-Arti.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend