Approvat l-Att li jirregola l-produzzjoni tal-kannabis għal użu mediku | One News

Notifiki

Approvat l-Att li jirregola l-produzzjoni tal-kannabis għal użu mediku

Il-Parlament approva l-Att li jirregola l-produzzjoni tal-kannabis għal użu mediku.

Il-liġi approvata toħloq qafas regolatorju serju fis-settur, li fost l-oħrajn tistabbilixxi li ebda kultivazzjoni, importazzjoni jew proċessar ta’ kannabis, jew xi preparazzjoni derivanti minnha ma tista’ sseħħ f’Malta mingħajr il-pussess ta’ kull approvazzjoni, awtorizzazzjoni, liċenzja, jew permess neċessarju skont din il-liġi.

Dan filwaqt li tagħmilha ċara li l-kultivazzjoni għal skop ta’ riċerka u produzzjoni industrijali se jkun possibbli biss f’żoni industrijali siguri u taħt kundizzjonijiet stretti u mhux kif kien irraportat b’mod skorett minn ċertu mezzi tax-xandir.

Għal darb’oħra l-Oppożizzjoni ddeċidiet li topponi għal liġi li se twassal għal aktar investiment u opportunitajiet ta’ impjiegi f’pajjiżna; minkejja l-interess b’saħħtu li kien u għadu qed ikun espress minn kumpaniji internazzjonali ta’ reputazzjoni fil-farmaċewtika biex jibdew joperaw minn pajjiżna.

S’issa l-korporazzjoni Malta Enterprise diġà approvat sitt proġetti mill-Kanada, l-Awstralja u l-Iżrael, b’investiment kapitali ta’ 40 miljun ewro u l-ħolqien ta’ aktar minn 200 impjieg ġdid.

Dan il-pass se jkompli jsaħħaħ is-settur tal-manifattura tal-farmaċewtika, kif ukoll jippermetti li pażjenti jkollhom aċċess sigur għall-mediċina tagħhom.

Il-Ministru għall-Ekonomija, l-Investiment u n-Negozji ż-Żgħar Chris Cardona qal li din il-liġi se tkun mezz ieħor ta’ kif Malta tkompli tiddiversifika l-ekonomija b’mod effettiv u fuq kollox timmassimizza l-potenzjal ta’ negozju u opportunitajiet ta’ impjiegi ta’ kwalità.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend