Fil-ġimgħat li ġejjin se jerġa joħroġ il-famuż 62+ GovernmentBond – li huwa Bond tal-Gvern b’ imgħax aħjar minn kwalunkwe bond ieħor tal-Gvern immirrat lejn l-anzjani.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna.
Huwa qal li l-Gvern huwa konxju mit-tnaqqis drastiku fid-dħul addizzjonali li l-pensjonanti kien qed ikollhom mit-tnaqqis tar-rati ta’ imgħax fuq depożiti fissi mal-banek kummerċjali. Qal li fl-aħħar snin il-Gvern daħħal miżura soċjali li permezz tagħha jinħareġ bond, b’rata ta’ imgħax ferm aħjar minn dik tas-suq immirati biss għall-pensjonanti sabiex itejbu d-dħul tagħhhom.Din ser tkun it-tieni skema ta’ dawn it-tip ta’ Bonds – wara li l-ewwel ħruġ f’Settembru li għadda inħattfu kollha, bil-Gvern joħroġ bond ieħor xahar wara.
Il-Ministru Scicluna qal li dan il-ħruġ se jkun xi ftit differenti minn ta’ qablu sabiex jakkomoda iżjed lill-anzjani.
Sabiex setgħu jinħarġu dawn it-tip ta’ Bonds b’rati attraenti indirizzati apposta għall-bżonnijiet tal-pensjonanti, is-sena l-ohra kellha wkoll tinbidel il-liġi dwar il-Bills tat-Teżor ta’ Malta.
Is-sena l-oħra kienu 16,201 pensjonant li bbenefikaw mill-iskema ta’ Bonds 62+, fejn it-teżor alloka s-somma totali ta’ kważi mitt miljun ewro.