Il-filmat li ħareġ illum Nuseir Yassin fuq il-paġna tiegħu Nas Daily hu kollu ddedikat fuq ix-xogħol li wettaq Salvu fuq il-gżira ta’ Kemmuna.
Minkejja li s-soltu, il-filmati fuq Nas Daily, ikunu twal minuta – l-istorja u l-ħidma ta’ Salvu tant sabha interessanti li ħass li kien ħaqqu aktar minn minuta biex juri lil kważi sitt miljun segwaċi tiegħu kemm hu inteliġenti Salvu.
Salvu hu raġel ta’ 66 sena li hu fost it-tliet persuni li għadhom jgħixu fuq Kemmuna. Il-filmat jibda billi jgħid li għall-ewwel wieħed jaħseb li Salvu hu bniedem li jħossu waħdu, hekk kif m’għandux tfal u lanqas mara, iżda meta wieħed isir jafu aktar – jinduna kemm hu bniedem inteliġenti.
Spjega kif meta nduna li ma setgħax imexxi d-dgħajsa tiegħu, ħoloq tip ta’ mekkaniżmu li fuqu jgħabbi d-dgħajsa u li mingħajr tbatija ta’ xejn, permezz ta’ remote, jikkontrolla ‘l fejn se jimxi dan il-karettun speċjali.Apparti minn hekk Salvu ħoloq sistema solari, sabiex permezz tagħha jirnexxilu jkollu ilma frisk li jkun jista’ jixrob minnu hekk kif fuq Kemmuna m’hemmx ilma frisk naturali li wieħed jista’ juża għax-xorb.
Nuseir ikompli billi jispjega kif meta wieħed isir jaf lil Salvu, jinduna kif hu persuna li jħobb l-ambjent – tant li bidel is-sistema tal-quad bike u tal-karozza tiegħu għal waħda elettrika sabiex ma tkunx ta’ ħsara.
Sostna li l-ħolma ta’ Salvu dejjem kienet li jkun pilota, u li jtir, kien għalekk li hu xtara madwar 11-il drone li jieħu gost juża u li wieħed minnhom jista’ jużah anke taħt il-baħar. Iżda din kienet biss parti minn ħajjet Salvu, fejn Nuseir jispjega kif il-parti l-oħra hi waħda umana u li turi l-qalb twajba li għandu dan ir-raġel.
Meta Salvu mar jgħix flimkien ma’ familtu madwar 70 sena ilu, kienu bosta persuni li kienu qed jgħixu f’Kemmuna iżda aktar ma’ għadda ż-żmien aktar naqsu n-nies – tant li l-iskola li kien hemm għat-tfal kellha tingħalaq. Ġara li madwar seba’ snin ilu ħuh Angelo kellu problemi fil-kliewi u għalekk mar jgħix flimkien ma’ Salvu, fejn Salvu ddedika ħafna minn ħajtu biex jieħu ħsiebu. Tant, li darbtejn kuljum iwassal lil ħuh biex imur l-isptar u li f’seba’ snin qatt ma telaq mill-gżira.
Kien għalekk li wieħed mill-akbar proġetti li kien qed jaħdem fuqu, dak li jibni hovercraft, kellu jieqaf milli jkomplih hekk kif hu jemmen li l-familja għandha dejjem tiġi l-ewwel.
U dan hu għalfejn Salvu hu wieħed mill-aktar persuni interessanti li wieħed qatt jista’ jiltaqa’ miegħu.