Ġuvni ndarab gravi wara li waqa’ sular għoli f’sit ta’ kostruzzjoni fil-Mellieħa.
L-inċident seħħ illum, għall-ħabta ta’ nofsinhar meta l-Pulizija ġew infurmati li raġel Sirjan, iddaħħal l-isptar wara li waqa’ minn għoli ġewwa sit ta’ kostruzzjoni li tinsab fi Triq Ġnien Ingraw, il-Mellieħa.
Minn investigazzjonijiet preliminari li għamlet il-Pulizija tad-Distrett, irriżulta li r-raġel li għandu 18-il sena, kien qed jagħmel xi xogħol fl-istess sit u għal xi raġuni waqa’ għoli ta’ madwar sular.
Il-vittma ttieħed l-Isptar Mater Dei permezz ta’ ambulanza fejn ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi ta’ natura gravi.
L-investigazzjoni tal-Pulizija għadha għaddejja.