L-ugwaljanza valur assolut… tkellmu ma' min ma jistax ikollu tfal | One News

Notifiki

L-ugwaljanza valur assolut… tkellmu ma’ min ma jistax ikollu tfal

“L-ugwaljanza hija valur assolut.”

Kien dan il-messaġġ li kellu l-Prim Ministru Joseph Muscat lill-folla kbira li nġabret f’sala ewlenija fil-Belt Valletta biex tisma’ l-messaġġ tiegħu.

“Hemm min l-ugwaljanza jaħsibha xi valur relattiv,” qal Joseph Muscat li tkellem dwar il-każ Joane Cassar fejn fi żmien Gvern Nazzjonalista kellha tmur fil-Qorti Ewropea biex tkun rikonoxxuta bħala mara. “Aħna, fl-ewwel laqgħa tal-kabinett tal-leġiżlatura li għaddiet waqqajna dan il-każ u rranġajna dan il-każ,” qal Joseph Muscat li fakkar kif dan huwa mill-erba’ prinċipji ewlenin li jmexxu l-ħidma tal-gvern bl-oħrajn ikunu l-mobbiltà soċjali, il-ġustizzja soċjali u l-għaqda fil-pajjiż.

Tenna li dakinhar kien mument fejn l-irġiel ingħażlu mit-tfal u rrefera għall-bidliet li komplew isiru f’dan is-settur u rrimarka kif illum kulħadd jgħid li jaqbel mal-ugwaljanza.

“Tajjeb. Mela issa ġej test. Għax din il-liġi tal-IVF li għandna quddiemna hija liġi tal-ugwaljanza,” saħaq Joseph Muscat li reġa’ fakkar kif wara diskussjonijiet interni l-grupp parlamentari Laburista għandu liġi li kulħadd qed jappoġġja.

Żied li kien il-poplu li ta mandat biex isir dan il-mandat u fakkar kif dan il-gvern kien li daħħal is-servizz tal-IVF f’Mater Dei wara li gvern preċedenti kaxkar saqajh biex idaħħal din il-liġi. “Jiddispjaċini għal dawk in-nisa li laħqet għadditilom l-età,” qal Joseph Muscat.

Irrefera għall-iffriżar tal-embrijuni u tenna hu kunċett li diġa’ qiegħed fil-liġi eżistenti tant li f’Mater Dei diġa’ hemm numru ta’ embrijuni friżati. “La qbilna ma’ dan il-punt fl-2012… aħna mhux indaħħlu prinċipju ġdid. Qed naraw kif ma’ dan il-prinċipju nużaw it-teknika xjentifika li tista’ tintuża għas-saħħa tal-mara,” qal Joseph Muscat li saħaq li min jirrikorri għall-iffriżar qed jikkommetti ruħu li dak l-embrijun jingħata għall-adozzjoni jekk mhux użat.

“Għalija kull kelma li nistgħu ngħidu aħna l-politiċi rrelevanti. Tkellmu ma’ min ma jistax ikollu l-ulied. Iffaċjaw lil min ma jistax ikollu ulied,” qal Joseph Muscat li tenna kif din l-omm li ma jistax ikollha l-ulied qed tibki fil-kwiet ta’ darha. Hawn Joseph Muscat kien ċar li hu u l-Partit Laburista se jitkellmu għal dawk in-nies. “Għal dawn il-familji bla vuċi se jkun hemm aħna nitkellmu,” qal Joseph Muscat li rrimarka s-sodisfazzjon kull darba li omm li tgħidlu li l-wild hi bis-saħħa tal-bidliet li ġab dan il-gvern. Qal li jħossu naqas fil-konfront ta’ dawk il-ġenituri li dawn il-bidliet ukoll mhux biżejjed għalihom.

Qal il-punt li jmiss issa huwa marbut mal-ugwaljanza. Staqsa jekk għandniex nerġgħu niftħu d-diskussjoni jekk koppja gay jew persuna single għandiex ikollha ulied. “Aħna bħala gvern ngħidu li jekk int trid tgħati l-ħajja u jkollok familja aħna se ngħinuk biex ikollok familja. Jekk f’dan il-punt mhux qed naqblu qed nerġgħu lura għad-diskussjoni kollha dwar l-ugwaljanza,” tenna Joseph Muscat li fisser kif dan hu l-mument tal-prova biex wieħed jifhem jekk ux veru l-imħabba l-istess għal kulħadd.

“It-triq li għandna quddiemna hija t-triq mill-ġdid fejn se nkunu qed ngħażlu l-prinċipji,” qal Joseph Muscat li fisser kif din hi kwistjoni ta’ konvinzjoni mhux konvenjenza.

“Nafu li jista’ jkollna n-numri kontrina imma xogħolna qatt ma kien li mmorru mal-mewġ… imma li nagħmlu affarijiet li llum jidhru tqal…. Jien għalhekk kburi b’dan il-moviment għax dan il-moviment minn dejjem kien il-moviment tal-bidla,” qal Joseph Muscat.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend