Spettaklu tal-logħob tan-nar tal-art fil-Floriana | One News

Notifiki

Spettaklu tal-logħob tan-nar tal-art fil-Floriana

 

Nhar is-Sibt li ġej, f’lejliet il-festa ta’ San Publiju, fuq il-Fosos tal-Furjana se ssir it-tnax-il edizzjoni tal-Festival tal-Logħob tan-Nar tal-Art Mekanizzat.

Tlettax-il kamra tan-nar lokali se jikkompetu għat-titlu tal-aqwa wirja; b’kull kamra se tesebixxi l-aħjar żewġ biċċiet tan-nar biex b’kollox se jkun hemm sitta u għoxrin struttura ta’ logħob tan-nar mekkanizzat akkumpanjat mill-mużika.

Noel Castillo, id-Direttur tal-Festival qal li l-ġurija se tkun magħmula minn tlett pirotekniċi internazzjonali li ġejjin mill-Ingilterra, id-Danimarka u l-Olanda.

 

Il-ġurija tagħmel ix-xogħol tagħha fuq 3 meriti. Il-meritu tal-mekkaniżmu – li huwa l-fundament tal-festival, l-aqwa prodotti pirotekniċi użati, u l-oriġinalità fid-disinn li joffru l-irdidien u l-innovitajiet li kapaċi joħolqu kull għaqda tan-nar.

Il-ġurija se tkun qed tara x-xogħlijiet tan-nar waqt l-armar, is-Sibt waqt il-ħarqa u l-għada permezz tal-filmati.

Is-Sindku tal-Furjana, Davina Sammut Hili qalet li dan il-festival jiġbed lejh numru kbir ta’ dilettanti tan-nar u se jpaxxi l-għajn ta’ kull min għandu għal qalbu din is-sengħa.

 

Il-festival diġa’ huwa famuż għax kieku l-Kunsill Lokali ma jiħux inizjattiva sena wara sena biex jorganizzah u għalhekk qed nattiraw pubbliku differenti sabiex iżur il-lokalita sabiħa tagħna tal-Furjana.

Is-Segretarju Parlamentari għal Gvern Lokali, Silvio Parnis qal li l-Gvern Lokali għandu jgħin f’dawn l-attivatijiet, filwaqt li l-logħob tan-nar hija xi ħaġa kulturali li tolqot l-għajn mhux tal-Maltin biss iżda anke tat-turisti li jżuru pajjiżna.

Il-festival se jibda għall-ħabta tal-għaxra u nofs ta’ filgħaxija u f’każ li t-temp ma jippermettiex isir il-Ħadd wara l-purċissjoni.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend