Ċifri dettalji tal-Uffiċċju tal-Istatistika Ewropew juru li Malta mhux biss irreġistrat l-anqas rata ta’ emissjonijiet ta’ gass b’effett ta’ serra fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea iżda wkoll l-anqas rata f’dawn l-aħħar ħamsa u għoxrin sena.
Dan hekk kif fl-2015, il-ħruġ tal-emissjonijiet kienu fil-livell ta’ 99.2, filwaqt li fl-1990, dawn kienu fil-livell ta’ 100.
Filwaqt li kienet innutata żieda gradwali bejn l-2009 u l-2012, is-sitwazzjoni nbidlet fl-2013, b’żieda minima s-sena ta’ wara u tnaqqis drastiku fl-elfejn u ħmistax hekk kif il-Gvern beda jimplimenta l-pjan tal-enerġija.
L-istess statistika turi wkoll li fl-elfejn u sittax, il-konsum tal-enerġija f’pajjiżna leħaq l-ogħla livell qatt irreġistrat.
Dan jirrifletti l-attivita ekonomika b’saħħitha li hawn f’Malta, hekk kif iktar kumpaniji qed jagħżlu lil pajjiżna għall-operat tagħhom, filwaqt li oħrajn qed jespandu.
Konsum li żdied ukoll grazzi g ħat-traħħis fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma kemm għal familji u kif ukoll għan-negozji.
Ċifri oħra tal-Eurostat juru li fejn jidħlu l-emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju minn karozzi privati naqsu wkoll, filwaqt li l-livell ta’ Malta baqa’ inqas mill-medja tal-Unjoni Ewropea.
Xhieda tad-diversi skemi li ħareġ il-Gvern fejn ħeġġeġ lin-nies sabiex jinvestu f’vetturi ġodda li jdaħħnu inqas, b’kuntrast mal-vetturi l-antiki.
Irriżulta wkoll li fejn tidħol l-enerġija li tiġġedded, Malta kompliet ittejjeb ir-rata tagħha, biex fl-elfejn u sittax, sitta fil-mija tal-enerġija kienet ġejja minn sorsi li jiġġeddu bħax-xemx.
B’rabta ma’ dan, l-Awditur Ġenerali nnota kif pajjiżna jinsab fi triq it-tajba biex jilħaq il-miri Ewropej dwar il-qasam tal-enerġija ġġennerata minn sorsi li jiġġeddu.
B’reazzjoni, l-Aġenzija dwar l-Enerġija u l-Ilma qalet li r-rapport tal-Awditur jikkonferma li dawn l-iskemi qed jilħqu l-miri prinċipali, fosthom li jiġi attirat investiment konsiderevoli fis-sistemi fotovoltajiċi, jiġi żgurat li l-għajnuna tal-Gvern hija cost-efficient, u tingħata assistenza lill-investituri sabiex jagħmlu l-qalba lejn l-ekonomija l-ħadra.
Intqal li dan kollu jgħin sabiex Malta tilħaq il-miri dwar l-enerġija rinnovabbli u tassigura li tibqa’ fit-triq it-tajba sabiex tilħaq il-mira tagħha tal-elfejn u għoxrin, kif diġà ġie kkonfermat mill-Kummissjoni Ewropea fir-rapport tagħha tal-elfejn u sbatax.