L-effettività tal-iskemi tal-PV f'Malta elenkata fir-rapport tal-Awditur Ġenerali | One News

Notifiki

L-effettività tal-iskemi tal-PV f’Malta elenkata fir-rapport tal-Awditur Ġenerali

L-Aġenzija dwar l-Enerġija u l-Ilma fi ħdan il-Ministeru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma tinnota l-performance audit ippubblikat mill-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali li fih ġew evalwati l-iskemi tal-feed-in tariff għall-pannelli fotovoltajċi.

L-Aġenzija tinnota b’sodisfazzjon li l-isforzi tagħha sabiex tagħti sostenn lill-iżvilupp tal-qasam tal-enerġija mix-xemx permezz tal-implimentazzjoni tal-Pjan t’Azzjoni Nazzjonali għall-Enerġija Rinnovabbli, huma apprezzati f’dan ir-rapport. Ir-rapport jikkonferma wkoll li l-iskemi ta’ sapport għall-pannelli fotovoltajċi qegħdin jilħqu l-miri prinċipali, fosthom li jiġi attirat investiment konsiderevoli fis-sistemi fotovoltajċi, jiġi żgurat li ssapport tal-Gvern huwa cost efficient, u tingħata assistenza lill-investituri sabiex jagħmlu l-qalba lejn l-ekonomija l-ħadra.

Dan kollu jgħin sabiex Malta tilħaq il-miri dwar l-enerġija rinnovabbli u tassigura li tibqa’ fit-triq it-tajba sabiex tilħaq il-mira tagħha tal-2020, kif diġà ġie kkonfermat mill-Kummissjoni Ewropea fir-rapport tagħha tal-2017, tal-iState of the Energy Union.

Fl-istess waqt, l-Aġenzija tinnota wkoll ir-rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-NAO u li għandhom jiġu inklużi fil-Pjan Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima 2021-2030, li qed jiġi żviluppat fil-preżent. Dan il-pjan mhux se jkun qed jidentifika biss l-impenn u l-miri ta’ Malta għall-2030, imma wkoll jikkwantifika l-politiki u l-miżuri meħtieġa sabiex jintlaħqu dawn il-miri.

L-Impact assesment għandu jkun ukoll parti minn dan l-eżerċizzju. Barra minn hekk, jinsab għaddej proċess ta’ konsolidazzjoni tad-data, fi ħdan il-qafas tar-regolamentazzjoni tal-protezzjoni tad-data eżistenti u dik futura. Fir-rigward tal-possibbiltà li jinkisbu renewable credits, waqt li jiġu kkunsidrati l-limitazzjonijiet ġeofiżiċi ta’ Malta, l-Aġenzija se tibqa’ tkompli timplimenta l-Politika tal-Gvern li tagħti sostenn lill-investiment lokali f’dan il-qasam, minħabba n-numru ta’ benefiċċji assoċjati.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend