Tressaq quddiem il-Parlament l-abbozz ta’ liġi li jemenda l-liġijiet li jirregolaw is-settur tal-logħob mis-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, Ekonomija Diġitali u Innovazzjoni Silvio Schembri.
Dan il-qafas ġdid legali se jissimplifika l-liġijiet eżistenti billi jinġabar kollox taħt liġi waħda, u jimmodernizza s-sistema regolatorja biex b’hekk l-Awtorità Maltija dwar il-Logħob titħejja għall-futur, fid-dawl tad-dinamiżmu tas-settur tal-gaming.
L-għan prinċipali ta’ din il-liġi huwa li jitneħħew burokraziji żejda li sa ftit taż-żmien ilu kienu mhux biss ta’ xkiel għall-operaturi iżda anke għall-Awtorità stess, biex b’hekk l-Awtorità se tiffoka aktar l-attenzjoni tagħha fejn ikun hemm il-ħtieġa, inkluż li tiżgura li l-operaturi jkunu konformi mal-obbligi legali tagħhom b’applikazzjoni ta’ metodu ta’ evalwazzjoni bbażat fuq ir-riskji, fejn l-Awtorità tkun tista tintervjeni b’mod proporzjonat fejn ikun hemm il-ħtieġa. B’hekk jissaħħaħ ir-regolatur sabiex jintlaħqu l-miri regolatorji. F’dan id-dawl ser ikun qed jitwessa’ wkoll l-iskop regolatorju sabiex tkun tista’ ssir aktar komprensiva s-sorveljanza mill-Awtorità Maltija għal-Logħob fuq is-settur.
Għaldaqstant, permezz tal-liġi ġdida, se jkun hemm tibdil fil-mod ta’ kif jinħarġu l-liċenzji, u se jkunu msaħħa aktar l-issorveljar u sussegwentament l-infurzar. Se jkun hemm protezzjoni akbar għall-ġugaturi u persuni vulnerabbli, u l-liġi se tkun flessibbli sabiex jiġu introdotti f’ambjent regolat teknoloġiji innovattivi, sabiex dan is-settur ikompli jikber b’mod sostenibbli.
Is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri fisser kif permezz ta’din il-liġi se nkomplu nagħmlu s-settur tal-gaming, li lkoll nafu l-importanza li għandu għall-ekonomija ta’ pajjiżna, future-proof, li mhux biss ikun lest għall-futur, iżda li jkun hu stess li jħaddan il-futur grazzi għal teknoloġiji ġodda bħal blockchain li fihom Malta qed tkun pijuniera globali.
Silvio Schembri sostna li l-ħidma li qed issir permezz ta’ din il-liġi l-ġdida se tkun qed tiggarantixxi aktar impjiegi għall-familji Maltin u Għawdxin billi se tiżdied aktar is-serjetà li twassal għal tisħih tar-reputazzjoni serja li diġà ngawdu minnha bħala pajjiż.