6,000 diġà jiġru 'The Daily Mile' | One News

Notifiki

6,000 diġà jiġru ‘The Daily Mile’

Ġirja tajba ma tagħmel ħsara lil ħadd, lanqas lid-Deputati Parlamentari!

Dan hekk kif l-Erbgħa filgħodu, il-Ministru Evarist Bartolo u s-Segretarju Parlamentari Clifton Grima ġrew ġirja tajba mal-istudenti tal-Iskola Primarja B tal-Mosta, waqt it-tnedija tal-inizjattiva ‘The Daily Mile’.

Din se tkun introdotta fl-iskejjel Maltin, u hija mmirata biex iżżid l-attività fiżika li t-tfal jagħmlu ta’ kuljum, filwaqt li jiżviluppaw imġiba pożittiva ta’ saħħa.

Ingħad li erbgħa u għoxrin fil-mija biss tat-tfal Maltin li għandhom bejn għaxar snin u ħdax-il sena jagħmlu s-siegħa rrakomandata kuljum ta’ attività fiżika moderata jew vigoruża.

Dan filwaqt li, sfortunatament, erbgħin fil-mija tat-tfal Maltin għandhom piż żejjed jew huma obeżi.

Huwa għalhekk li nħasset il-ħtieġa li jiżdiedu l-livelli ta’ attivita, bl-iskejjel joffru post ideali għall-implimentazzjoni ta’ inizjattivi ġodda.

‘The Daily Mile’, li bdiet fir-Renju Unit, hija faċli biex tkun implimentata u tieħu biss kwarta. Fi kwalunkwe ħin matul il-jum tal-iskola, l-għalliema tieħu lit-tfal fil-bitħa biex jiġġoggjaw jew jiġru.

Ħafna mit-tfal ikopru mil fi kwarta, filwaqt li oħrajn jieħdu ftit inqas jew ftit iżjed. Dan filwaqt li ma hemmx bżonn ta’ warm up jew jibdlu fil-PE kit.

Wara din l-attivita fiżika, it-tfal ikunu iktar iffukati u kkonċentrati fil-klassi. Meta mistoqsija, it-tfal qalu li qed jieħdu gost b’din l-inizjattiva għax qed tagħmilhom iktar b’saħħithom, kuntenti fl-iskola u ttihom waqfa qasira minn perjodi twal bil-qiegħda fil-klassi.

‘The Daily Mile’ ddaħħlet f’Malta tliet xhur ilu, b’ħamsa u tletin skola diġà ssieħbu f’din l-inizjattiva, fejn mas-sitt elef tifel u tifla diġà qed jirċievu kwarta iktar ta’ attività fiżika kuljum.

L-inizjattiva hija mmirata għall-iskejjel primarji, iżda diversi skejjel medji u sekondarji diġà introduċewha, u saħansitra tista’ tkun estiża għal postijiet tax-xogħol.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend