Malta tiffirma erba’ dikjarazzjonijiet fuq il-qasam tas-settur diġitali waqt konferenza li saret Brussel, organizzata mill-Kummissjoni Ewropea. Dawn id-dikjarazzjonijiet ser jissarrfu f’aktar koperazzjoni bejn il-pajjizi firmatarji dwar l-Intelliġenza Artifiċjali, it-teknoloġija Blockchain, Radar Innovation, u Genome sequencing.
Il-Konferenza Diġitali 2018, iddiskutiet temi u sfidi li l-pajjizi tal-Unjoni Ewropea ser ikunu qed jiffaċċaw f’oqsma marbutin mas-settur diġitali bħall-iżviluppi li qed isiru fis-settur tal-Intelliġenza Artifiċjali, Blockchain u anke dwar il-koperazzjoni bejn pajjiżi membri dwar kif is-servizzi tas-saħħa jistgħu jibbenefikaw mill-izviluppi diġitali.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol tkellem f’zewġ sessjonijiet waħda dwar l-Intelliġenza Artifiċjali u l-oħra dwar il-kooperazzjoni diġitali fil-qasam tas-servizz tas-saħħa.
Dwar l-Intelliġenza Artifiċjali l-Ministru Evarist Bartolo emfasizza fuq il-bzonn li l-izviluppi f’dan il-qasam ikunu ggiwdati mill-valuri tagħna u huwa importanti li nirriflettu dwar l-intelliġenza artifiċjali u fejn ser twassalna. Għalhekk il-Ministru Bartolo saħaq fuq il-punt li l-iżvilupp f’dan il-qasam għandu jkun inklussiv ibbazat fuq il-valuri tagħna biex il-valuri u d-demokraziji tagħna ma jkunux mhedda.
Il-Ministru Bartolo saħaq li l-mudell Ewropew ta’ Intelliġenza Artifiċjali bbażat fuq il-valuri tal- inklussività u d-diversità m’għandux jitqies bħala mudell dgħajjef. F’dinja kompetittiva fejn l-Ewropa se tkun qed tikkompeti dejjem aktar mal-Istati Uniti u ċ-Ċina f’dan il-qasam il-mudell Ewropew ta’ Intelliġenza Artifiċjali għandu jibqa’ leali lejn il-valuri Ewropej.
Dwar ir-rwol tal-edukazzjoni f’dan il-qasam, il-Ministru Bartolo qal li jeħtieġ li s-sistema edukattiva tkun aktar tirrifletti r-realtà ta’ madwarna u l-edukazzjoni f’dan is-settur għandha tibda mis-snin bikrija. Huwa emfasizza li “jeħtieġ li nrawmu l-popli tagħna biex jitgħallmu jgħumu f’baħar li jaf ikun imqalleb f’dan il-qasam permezz tal-izviluppi teknoloġiċi”.
Il-Ministru Bartolo tkellem ukoll dwar kif din it-teknoloġija tista’ tgħin anke fit-tisħiħ tas-servizzi tas-saħħa. Huwa saħaq fuq il-bzonn ta’ aktar koperazzjoni fl-użu tal-informazzjoni madwar l-Unjoni Ewropea biex ikunu żviluppati mediċini personalizzati.
F’din il-konferenza tkellem ukoll il-Kummissarju Andrus Ansip li huwa responsabbli mis-settur diġitali fl-Unjoni Ewropea u saħaq fuq l-importanza li s-settur privat jikkontribwixxi finanzjarjament biex l-Ewropa tkun tista’ tavvanza f’dan il-qasam. Il-Kummissjoni Ewropea mistennija toħroġ proposti ġodda fuq is-settur tal-Intelliġenza Artifiċjali aktar tard dan ix-xahar.