Malta rreġistrat progress kbir fil-ġenerazzjoni tal-enerġija mill-pannelli fotovoltajċi u dan qed iwassal sabiex pajjiżna jilħaq il-miri obligatorji imposti mill-unjoni ewropea li sas-sena 2020, għaxra fil-mija tal-enerġija kkonsmatu tiġi minn sorsi li jiġġeddu bħax-xemx.
Dan sostnieh l-Awditur Ġenerali fl-aħħar rapport tiegħu li analizza l-qasam tal-enerġija fejn irrikonoxxa l-progress li sar f’Malta dwar dak kollu li għandu x’jaqsam mal-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli permezz tal-pannelli fotovoltajiċi.
Ir-rapport jgħid li sas-sena li għaddiet, il-Gvern investa madwar €84 miljun ewro permezz tal-Iskemi tal-Feed-in Tarrif, kif ukoll €60 miljun ewro oħra – fil-biċċa l-kbira tagħhom fondi ewropej, sabiex iservu ta’ għajnuna fuq l-investiment kapitali mill-parteċipanti ta’ din l-iskema.
L-Awditur Ġenerali nnota kif dawn l-iskemi ssodisfaw it-tliet kriterji ta’ effettività mwaqqfin minnu stess fosthom it-titjib fil-parteċipazzjoni fl-Iskemi tal-Feed-in Tariff, opportunità f’waqtha ta’ investiment għall-abbonati tal-iskema.
Dan hekk kif il-parteċipanti rkupraw l-investiment inizjali f’perjodu ta’ ħamsa u disa’ snin li huwa anqas minn-nofs iż-żmien stipulat li jiffunzjonaw dawn il-pannelli.
L-awditur innota wkoll il-benefiċċji ambjentali u dawk ekonomiċi. Semma kif il-pannelli fotovoltajċi jnaqqsu l-emissjonijiet assoċjati mal-ġenerazzjoni tal-enerġija minn sorsi alternattivi, u fl-istess waqt, il-vantaġġi ekonomiċi miksuba minn dawn il-panelli qed jaffettwaw b’mod pożittiv kemm l-iżvilupp tal-industrija lokali, kif ukoll qed joħolqu aktar opportunitajiet ta’ mpjiegi fil-qasam ambjentali.