IL-MINA BEJN MALTA U GĦAWDEX SE TKUN TWILA 13-IL KILOMETRU | One News

Notifiki

IL-MINA BEJN MALTA U GĦAWDEX SE TKUN TWILA 13-IL KILOMETRU

Il-mina bejn Malta u Għawdex se tkun twila tlettax-il kilometru.

B’korsija fuq kull naħa u korsija oħra għall-emerġenza, din il-mina se tkun tiflah sitt elef u ħames mitt vettura kuljum lejn iż-żewġ direzzjonijiet.

Ħabbar dan il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura Ian Borg f’konferenza tal-aħbarijiet li matulha ta dettalji dwar l-istudji li għaddejjin b’rabta ma’ dan il-proġett.

Fejn jidħlu d-daħliet ta’ kull tarf tal-mina, qed ikunu evalwati postijiet bl-inqas impatt ambjentali possibbli.

F’Għawdex qed tkun ikkunsidrata art diġà mittiefsa fin-Nadur, filwaqt li f’Malta, se jintużaw l-inħawi ta’ bejn il-Manikata u l-Imbordin. Dan għandu jgħin ukoll biex jissolva bottleneck kritiku fix-Xemxija.

Il-kwalità u s-sigurtà huma żewġ fatturi importanti f’dan il-proġett; bil-mina se tinbena bi standards Ewropej fejn jidħlu affarijiet bħad-disinn tal-karreġġjata, il-ventilazzjoni, is-sistema ta’ illuminazzjoni, is-sinjali u l-passaġġ għas-servizzi.

L-akbar sfida sa issa jidher se tkun relatata mar-rimi tal-materjal mit-tħaffir.

Bħalissa għaddej ukoll studju fuq mudell ekonomiku u finanzjarju, fejn ġie deċiż li n-nollijiet preżenti għall-vjaġġi bil-Gozo Channel se jkunu l-istess bħall-vjaġġi bil-mina.

Il-mira għal din is-sena hija li jitlestew l-istudji ta’ qabel jibda l-bini, biex fil-bidu tas-sena d-dieħla joħroġ tender ta’ kostruzzjoni, ħalli minn hemmhekk isiru l-istudji meħtieġa u jitħejjew l-applikazzjonijiet għall-permessi.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend