Fi stqarrija il-Partit Lanburista qal li b’mod konsistenti l-Partit Nazzjonalista qed juża l-Kunsilli Lokali bħala ballun politiku fejn jinjora dak maqbul madwar il-mejda tal-Kunsill Lokali u pubblikament idur għall-ispin politiku. Fil-Munxar inqeda b’applikazzjoni privata għal demmiela biex biex jgħid li huwa hu li qed jopponi għaliha. Dan meta l-Kunsill Lokali b’maġġoranza Laburista kien diġa qabel b’mod unanimu li joġġezzjona għal din l-applikazzjoni.
Issa reġa’ qed jagħmel l-istess fl-Imsida.
Sfida ta’ immaniġjar tat-traffiku li qed tkun indirizzata b’konsultazzjoni mal-istess Kunsill Lokali qed idawwarha f’ballun politiku. Sakemm tlesta l-proġett tal-Kappara tneħħew l-ispazji ta’ parkeġġ li kien hemm bil-bidu ta’ triq Rue D’ Argens. Dan biex ikun hemm ‘flow’ aħjar tat-traffiku. Il-ħsieb kien li dawn jerġgħu isiru ladarba jitlesta’ l-proġett. Kif fil-fatt sar.
Meta sar hekk il-‘flow’ tat-traffiku ma baqax daqshekk effiċċjenti u l-awtorita’ ħasbet li jkun aħjar jekk dawn jerġgħu jitneħħew. Il-Kunsill Lokali tal-Imsida, immexxi minn maġġoranza Laburista, oġġezzjona għal dan u permezz tas-Sindku kellu diskussjonijiet ma’ Transport Malta biex tinstab soluzzjoni. Wara dawn id-diskussjonijiet sar qbil li dawn jitneħħew għal perjodu ta’ xahar biex ikun jista’ jsir studju fuq l-impatt tat-traffiku.
Minkejja li dan il-perjodu ta’ xahar għadu ma skadiex, b’ qerq il-Partit Nazzjonalista ħareġ jgħid li Transport Malta ma żammitx il-wegħda tagħha mar-residenti Misidjani. Dan minkejja li hu konxju ta’ dawn id-diskussjonijiet.
Jidher li l-Partit Nazzjonalista għadu ma fehemx li djalogu, id-diskussjoni u l-onestà huma prinċipji kardinali biex ikollna Kunsilli Lokali suċċess.
Ikun aħjar għall-Partit Nazzjonalista li qabel jibda jagħmel proposti dwar kif għandhom jimxu l-Kunsilli Lokali, l-ewwel jifhem dan il-kunċett kardinali fil-ħidma tal-Kunsilli Lokali temmet tgħid din l-istqarrija.