M'aħniex Gvern ta' lejlet l-elezzjoni – Gvern ta' ġid għal kulħadd – PM | One News

Notifiki

M’aħniex Gvern ta’ lejlet l-elezzjoni – Gvern ta’ ġid għal kulħadd – PM

L-aħbarijiet dwar is-surplus u t-tkabbir ekonomiku li pajjiżna qed jirreġistra huma sbieħ iżda xejn ma jitqabbel mal-aħbar li ħarġet mill-EUROSTAT dwar li f’Malta naqas ferm in-numru ta’ persuni f’riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali.

Tkellem dwar dan il-Prim Ministru Joseph Muscat meta dalgħodu kien qed jindirizza attivita’ politika fiċ-ċentru Laburista tal-Marsa.

B’ton verament soċjali, il-Prim Ministru semma kif ftit tas-snin ilu konna qed nitkellmu dwar il-ħolqien ta’ middle-class ġdida.

Spjega kif il-politika ta’ dan il-Gvern, li huwa sinonimu mal-ġid, m’hiex biss li jgħin lis-sinjur biex dawk fil-klassijiet tan-nofs u ta’ taħt jibbenefikaw mill-frak li jibqa’ iżda dan il-Gvern implimenta miżuri li laqtu b’mod pożittiv lil tan-nofs u lil ta’ taħt.

Joseph Muscat qal li miżuri bħaż-żieda fil-pensjonijiet laqtu direttament b’mod tajjeb lil min kien batut.

Il-mexxej Laburista qal li għal dawk li forsi għadhom ma gawdewx miż-żidiet fil-pensjonijiet għaliex il-pensjoni tagħhom hi meqjusa ftit għolja, Gvern Laburista m’huwiex Gvern li jagħti ta’ darba lejliet l-elezzjoni iżda jqassam il-ġid sena wara sena.

Fid-dawl li kien qed jitkellem fuq it-tqassim tal-ġid, il-Prim Ministru qal li l-pajjiż illum flok qed jitkellem fuq in-nuqqas ta’ xogħol u l-kontijiet għoljin ta’ dawl u l-ilma, qed jitkellem fuq lil min il-Gvern għandu jagħti l-flus.

Il-Prim Ministru qal li huwa kburi li jmexxi Gvern li ma jibżax jiffaċċja mistoqsijiet u li jagħti lil poplu u mhux jieħodlu.

Il-Prim Ministru ddedika wkoll parti mid-diskors tiegħu biex jitkellem dwar iż-żjara li għamel fl-Awstralja.

Qal li differenti għas-snin ħamsin u sittin meta għadd ta’ familji żgħażagħ telqu b’ta’ fuqhom senduqhom biex isibu futur aħjar lil hinn minn xtutna, in-neputijiet ta’ dawn il-familji Maltin issa jridu jiġu Malta biex jaħdmu hawn u jgawdu mill-ġid li qed jinħoloq.

Il-Prim Ministru indirizza wkoll it-tħassib fost il-komunità Marsija billi l-Gvern anki żied l-infurzar tal-ordni.

Spjega li għalih irrispettivament min jagħmel ħażin, iżda dan qed nindirizzawh biex tibqa’ ssaltan l-ordni fil-pajjiż.

Il-mexxej Laburista appella wkoll residenti minn Birżebbugia u l-Qawra fost l-oħrajn biex ma jiddejqux jwasslu s-sentimenti tat-tħassib tagħhom mingħajr ma nwasslu messaġġi b’mibgħeda razzjali għaliex il-ħażin huwa ħażin kemm jekk isir minn Malti jew barrani.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend