Mapep bi kwalitajiet familjari ta' postijiet differenti, b'ħolm u xewqat tal-parteċipanti – proġett ta' Valletta 2018 | One News

Notifiki

Mapep bi kwalitajiet familjari ta’ postijiet differenti, b’ħolm u xewqat tal-parteċipanti – proġett ta’ Valletta 2018

Serje ta’ mapep suġġettivi inħolqot bħala parti minn proġett ta’ Valletta 2018. Dawn se jitqassmu lill-pubbliku fil-ġranet li ġejjin. Dawn il-mapep ħarġu minn workshops bl-isem ta’ Subjective Maps, li saru matul l-aħħar tmintax -il xahar.

Dawn il-workshops u intervisti saru bis-sehem ta’ diversi membri mill-komunitajiet ta’ sitt lokalitajiet differenti: il-Belt Valletta, San Pawl il-Baħar u l-inħawi tiegħu, il-Ħamrun, Birżebbuġa, Gżira u Rabat (Għawdex). L-identità dinamika ta’ Malta hija fil-qalba ta’ dawn il-mapep.

Il-mapep jinkludu kwalitajiet familjari ta’ kull post, kif ukoll il-ħolm u x-xewqat tal-parteċipanti għal-lokalitajiet rispettivi tagħhom. Min jixtieq iktar siġar u ħdura, arja nadifa u inqas traffiku, min jixtieq aktar żoni pedonali u aktar kuxjenza dwar it-tniġġiż tal-arja jew tal-istorbju u min sempliċiment jixtieq ċimiterju biex ikun jista’ jindifen fir-raħal li jħobb u li trabba fih.

Dan il-proġett se jippermetti lil min jarah biex iżur il-lokalitjiet imsemmija mill-għajnejn tal-parteċipanti biex b’hekk il-mapep isiru bħal rakkonti fejn wieħed jiltaqa’ mal-ħajjiet t’oħrajn, iżur il-postijiet favoriti tiegħu jew jaqsam esperjenzi li għadda minnhom f’ċerti postijiet madwar il-lokalità.

Subjective Maps attira parteċipanti minn gruppi etniċi differenti. Uħud minnhom kien ilhom minn twelidhom jgħixu fil-lokalità rispettiva tagħhom, u għexu dejjem fl-istess dar, waqt li oħrajn  kien ilhom biss ftit xhur fil-lokalità. B’hekk, il-mapep li issa qed jiġu ppreżentati lill-pubbliku ġenerali jirriflettu perspettivi li jvarjaw daqs kemm tvarja l-etniċità tal-persuni involuti.

Fl-istess mappa wieħed jista’ jsib stejjer minn Maltin, Tajlandiżi, Awstrijaċi u Eġizzjani, li kollha flimkien jitkellmu dwar l-istess roqgħa art li jterrqu kuljum, dwar l-istess ħwienet li jużaw jew l-istess stejġ tal-karozza tal-linja li fuqu jistennew kull filgħodu biex imorru għax-xogħol. Ir-rotot kwotidjani, il-ħolm u r-relazzjonijiet tal-parteċipanti tal-proġett jiltaqgħu fuq kull mappa.

Għal iktar informazzjoni dwar il-proġett żur il-websajt ta’ Valletta 2018 jew il-paġna ta’ Facebook ta’ Subjective Maps.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend