Hekk kif fl-ewwel t’April 2018 fetaħ l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa għas-summiena, is-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri ltaqa’ ma’ rapreżentanti tal-FKNK, tal-Pulizija (permezz tal-ALE), WBRU,kif ukoll tal-Birdlife fejn intlaħaq qbil sabiex jitwaqqaf kumitat ad hoc illi ser ikun qiegħed jevalwa u jiddiskuti l-andament tal-istaġun minn aspetti differenti, fosthom l-infurzar.
Dan il-kumitat ser ikun qiegħed jiltaqa’ b’mod frekwenti u ser ikun qiegħed iservi bħala pjattaforma importanti sabiex, b’mod proattiv, l-esponenti fi ħdanu jkollhom il-faċilità li jagħtu rendikont tax-xogħol li jkun qiegħed isir, filwaqt li jiġi ffaċilitat aktar il-koordinament ta’ informazzjoni u tagħrif ieħor bejn il-partijiet konċernati.
Dan bl-għan li fi sfond ta’ djalogu jiġi indirizzat b’mod aktar effettiv kwalunkwe abbuż li jista’ jkun qiegħed iseħħ minn individwi partikolari.