Għamluhielek il-quċċija? | One News

Notifiki

Għamluhielek il-quċċija?

Waħda mill-ħafna tradizzjonijiet Maltin interessanti u li għadha popolari sal-lum hija magħrufa bħala l-quċċija.

Din it-tradizzjoni bdiet tiġi pprattikata f’Malta mis-seklu 18, u tista’ tgħid li baqgħet popolari sal-lum il-ġurnata. L-idea wara din it-tradizzjoni hija li tipprevedi l-karriera jew l-istil ta’ ħajja futura ta’ tarbija. Ovvjament dan dejjem fuq kumbinazzjonijiet għaliex dak li hemm miktub għalina, ma jafu ħadd mhux hekk?

Iżda dari, ma kienx hawn televiżjoni, imkejjen fejn tmur bħal-lum, safar għall-pjaċir jew logħob fuq il-kompjuter…kien hemm biss għors ħelu li n-nies kienu jivvintaw fis-sempliċità tagħhom.

Normalment issir fl-ewwel anniversarju tat-tarbija meta l-ġenituri jippreparaw numru ta’ oġġetti fl-art ftit metri’ l bogħod mit-tarbija. Tant kienu jemmnu li dak li se taqbad it-tarbija, se tkun il-karriera tagħha, li kienu jippruvaw iġiegħeluha taqbad xi ħaġa li jixtiequ huma.

L-ewwel oġġett li jinqabad mill-minuri jingħad li huwa d-destin tat-tarbija. Illum iżjed issir bħala ħin ta’ ferħ bit-tarbija u anke jkun mument fejn apparti li jitfakkru t-tradizzjonijiet, jiltaqgħu ftit il-familjari.

L-oġġetti li t-tarbija jkollha x’taqbad ivarjaw; dari kienu jkunu għodod għall-irġiel, u oġġetti tat-tisjir jew ħjata għan-nisa. Ma kinux jonqsu wkoll oġġetti sagri u reliġjużi.

Illum sirt issib iżjed pinen, għodda tat-tobba jew anke dawk relatati mat-teknoloġija imma anke l-oġġetti tal-passat ma jonqsux. Tiskanta; hawn għatx biex nerġgħu nesperjenzaw mumenti tradizzjonali li maż-żmien naqsu fil-popolarità iżda llum, iva, il-poplu Malti sar japprezza aktar dak li ħallewlu missierijietu u dawn it-tradizzjonijiet qed jissaħħu.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend