ARA: Żieda ta' kważi 18% fit-turisti li żaru pajjiżna fi Frar 2018 | One News

Notifiki

ARA: Żieda ta’ kważi 18% fit-turisti li żaru pajjiżna fi Frar 2018

Frar fawwar jimla l-bjar. Hekk jgħid il-Malti, u l-idjoma tapplika wkoll għall-industrija tat-turiżmu, li kompliet tikseb iktar riżultati pożittivi.

Dan hekk kif ix-xahar ta’ Frar ta’ dis-sena rreġistra żieda fl-ammont ta’ turisti li żaru pajjiżna, l-ammont ta’ ljieli li qattgħu u anke n-nefqa tagħhom.

Ċifri maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li 122, 433 persuna żaru pajjiżna fix-xahar ta’ Frar.

Numru li jfisser żieda ta’ sbatax punt tmienja fil-mija meta mqabbel mal-istess xahar tal-elfejn u sbatax.

Iktar minn mija u tlett elef minnhom ġew Malta għal vaganza, filwaqt li kważi ħdax-il elf oħra żaru pajjiżna ħabba negozju.

L-iljieli li qattgħu fil-gżejjer Maltin żdiedu bi ħdax punt tnejn fil-mija, u ammontaw għal total ta’ seba mija, tmienja u erbgħin elf, mija u għaxart iljieli.

L-ikbar ammont ta’ dawn l-iljieli, iġifieri ħamsa u sittin fil-mija, kienu fi stabbilimenti t’ akkomodazzjoni kollettiva.

Fejn tidħol in-nefqa totali, din ammontat għal tlieta u sebgħin miljun ewro, li tfisser żieda ta’ erbgħa punt sebgħa fil-mija meta mqabbla ma’ dik ta’ Frar tal-elfejn u sbatax.

L-ikbar ammont ta’ turisti li ġew Malta kellhom bejn ħamsa u għoxrin u erbgħa u erbgħin sena, segwieti minn dawk li kellhom bejn ħamsa u erbgħin u erbgħa u sittin sena.

L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika ppublikat ukoll ċifri tal-ewwel xahrejn ta’ dis-sena, fejn l-ammont totali ta’ turisti li żaruna kien mitejn, sebgħa u erbgħin elf, mitejn u tlieta.

Dan ifisser żieda ta’ tmintax punt disgħa fil-mija meta mqabbel mal-ewwel xahrejn tas-sena l-oħra.

Barra minn hekk, l-iljieli li dawn it-turisti qattgħu f’pajjiżna żdiedu bi tlettax punt tnejn fil-mija, għal miljun u sitt mitt elf lejl.

Kien hemm anke żieda fl-ispiża totali, hekk kif din laħqet il-mija, ħamsa u ħamsin miljun u ħames mitt elf ewro. Żieda ta’ għaxra punt ħamsa fil-mija fuq l-ewwel xahrejn tal-elfejn u sbatax.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend