Għaddew ħamsa u għoxrin sena mill-qtil makabru ta’ Sylvia King, li fit-tlieta t’April tal-elf disa mija tlieta u disgħin instabet maħruqa f’karozza.
King, li kellha sitta u tletin sena, inqatlet fil-Kunċizzjoni, limiti tar-Rabat, erbat ijiem wara li kienet rebħet il-kampjonat nazzjonali tal-bowling.
L-ewwel persuna fuq ix-xena tar-reat kien l-eks Pulizija Carmel Attard, li flimkien mal-kollega tiegħu, ħasbu li ma kien hemm xejn.
ħeqq kulma kien hemm xi ħaġa kwadra qisu foam hekk qisha biċċa mħadda bil-ġamar, daqsxejn l’hemm, xi pied l’hemm kien hemm qisu ballun tat-tfal iż-żgħar, ballun sejjaħlu jien… kienet rasha. Imma dak il-ħin ballun ħsibtu bil-ġamar hekk, u daqsxejn l’hemm qisu żewġ lasti ta’ xkupi imġemdin, kienu l-għadmiet ta saqajha. Illum ngħidlek l-għadma għax dak il-ħin hekk ħsibthom, żewġ lasti ta xkupa. igifieri dak il hin ix xokk ma hadnihx, wara ħadnieh ix-xokk
King kienet inħatfet viċin l-impjant ta’ Sant Antnin, ftit wara li telqet mil-Lemon and Lime Bar f’Wied il-Għajn, li kienet il-proprjetarju tiegħu.
L-aggressuri ħaduha f’post f’Ħal Għaxaq, iżda jidher li l-pjan inbidel hekk kif kien hemm xi tfal qed jilagħbu fiż-żona. Minflok, huma saqu l-karozza lejn il-Kunċizzjoni, fejn sussegwentament ingħatat in-nar.
L-eks Pulizija Attard qal ma’ One News li għadu sal-lum il-ġurnata taħt xokk, għax kien l-agħar każ li ltaqa miegħu.
Il-qattiela nqabdu f’temp ta’ ftit siegħat. Il-moħħ wara l-qtil kien Joseph Harrington, raġel li kellu tendenzi psikopatiċi, u ried ikun jaf fejn hi l-eks mara tiegħu.
Dak iż-żmien, King kienet involuta f’organizzazzjoni li tgħin lil nies fil-bżonn u saret ħbieb mas-Sinjura Harrington, li kienet imbeżża mir-raġel tagħha.
L-evidenza wasslet ukoll lill-pulizija għal Tony Baldacchino, li kien ivvizzjat bid-droga, u li ammetta mal-investigaturi li kien involut fil-qtil.
Harrington kien instab ħati tal-qtil fl-elfejn u weħel il-ħabs għal għomru. Huwa miet fl-elfejn u erbatax.
Baldacchino, li nstab ħati fl-elf disa mija sebgħa u disgħin, inħeles fl-elfejn u tnejn, u nstab mejjet is-sena ta’ wara fl-appartament tiegħu f’Buġibba.
Is-Sur Attard saħaq fuq il-ħtieġa li pulizija li jkunu involuti f’każijiet bħal dawn jingħataw għajnuna psikoloġika.