L-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji kkonfermat li saret verifika intensiva tal-Bank Pulatus qabel dan ma ngħata l-liċenzja.
Fi stqarrija l-MFSA spjegat hi ħadet għadd ta’ miżuri neċessarji, fejn irrevediet mill-qrib u kif ukoll għamlet mezz ta’ monitoraġġ tal-bank, skont ir-responsabbiltajiet superviżorji tagħha u għamlet għadd ta’ testijiet fosthom: spezzjonijiet fuq il-post dwar kwistjonijiet prudenzjali relatati mal-Bank kif ukoll miżuri kontra l-ħasil tal-flus u finanzjament tat-terroriżmu fejn dawn ġew imwettqa b’mod konġunt mal-FIAU.
L-MFSA spjegat kif ikkordinat mill-qrib ma’ regolaturi internazzjonali, inklużi l-Awtorità tar-Renju Unit dwar il-Kondotta Finanzjarja, l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u oħrajn.Spjegat kif ġie u għadu għaddej eżami ta’ konformità komprensiv u fil-fond tal-operazzjonijiet tal-bank.
Dan b’rabta mal-arrest tal-eks Chairman tal-Bank Pilatus, Ali Sadr Hashemi Nejad ġie fejn b’reazzjoni għall-akkużi li ħarġu l-awtoritajiet fil-konfront tiegħu, il-kunsill ta’ superviżjoni tal-Awtorita Maltija għas-Servizzi Finanzjarji ssospendiet b’mod immedjat lil Ali Sadr Hashemi Nejad mill-pożizzjoni ta’ direttur tal-bank Pilatus u minn kull rwol eżekuttiv li kellu fil-bank.
Il-kunsill ta’ superviżjoni, li huwa l-ogħla organu fl-awtorità, ssospenda wkoll id-dritt tal-vot tiegħu li kellu bħala azzjonist tal-istess bank kif ukoll waqqfu milli jirrappreżenta lill-bank. Apparti l-miżuri fil-konfront ta’ Hasheminejad, l-MFSA waqqfet lill-uffiċjali, diretturi u azzjonisti tal-bank Pilatus milli jgħaddu tranżazzjonijiet bħal ġbid u depożiti ta’ flus mill-kontijiet tagħhom.
Hekk kif ġew imposti dawn l-azzjonijiet il-Bank Pilatus issa għandu bżonn l-approvazzjoni tal-MFSA biex isiru movimenti tal-assi tiegħu.
Intant wara t-tneħħija ta’ Hashemi Nejad minn Chairman, l-MFSA ħatret b’effett immedjat lil Lawrence Connell biex jamministra l-assi ta’ din il-kumpanija.
L-MFSA ħatret lil Connell bħala l-persuna kompetenti biex jieħu l-kontroll tal-assi ta’ Pilatus Bank u jassumi l-kontroll tas-servizzi bankarji u dawk ta’ investimenti. Hu jrid jibqa jonora din il-kariga skond id-direzzjonijiet tal-MFSA.