Minn Marzu elfejn u tlettax sal-lum, kienu mija u sitta u disgħin il-mediċini li roħsu, uħud saħansitra sa sebgħa u sittin fil-mija.
Dan flimkien mal-introduzzjoni ta’ mediċini ġeneriċi, fosthom fi tħabbira riċenti li fissret tnaqqis fil-prezz sa tlieta u sebgħin fil-mija.
Dan it-tnaqqis fil-prezzijiet tħabbru fi tnax-il okkażjoni tul l-aħħar ħames snin. Xhieda ta’ proċess kontinwu favur il-konsumatur mill-Gvern, l-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur, u l-Awtorità dwar il-Mediċini.
Proċess ta’ ħidma biex il-mediċini f’pajjiżna jkunu aċċessibbli bi prezzijiet raġonevoli mingħajr tnaqqis fil-kwalità, sigurtà u l-effikaċja.
Fost il-mediċini li raħsu f’dawn il-ħames snin insibu:
– mediċina ta’ kimoterapija għall-kanċer fl-imsaren li raħset bi tliet mija u sebgħa u għoxrin ewro.
- Vaċċin għall-prevenzjoni tal-Meninġite Tip B li roħos b’ħamsa u għoxrin ewro
- Mediċina li tipprevieni l-formazzjoni ta’ emboli tad-demm – li raħset b’wieħed u tletin ewro, u
- Mediċina għall-prostata li raħset bi tlettax-il ewro
Mediċina Prezz € Roħs € Differenza %
Kanċer fl-imsaren €550 -> €222.64 €327.36 60%
Meninġite Tip B €165 -> €139.90 €25.10 15%
Emboli tad-demm €158.60 -> €127.60 €31 20%
Prostata €29.22 -> €16.45 €12.77 44%
Mediċini li lkoll huma rreġistrati mal-Awtorità tal-Mediċini, li jfisser li minkejja r-roħs, huma tal-istess kwalità ta’ mediċini oħra li jinsabu fis-suq Ewropew.
F’dawn il-ħames snin, il-Gvern saħħaħ is-settur tal-farmaċewtika bħala parti mill-istrateġija li jipprovdi mediċini u servizzi mediċi tal-ogħla kwalità, u biex isaħħaħ ir-reputazzjoni ta’ Malta ma’ msieħba barranin.
Fil-fatt, il-fiduċja li l-investitur barrani qed juri fl-industrija ta’ pajjiżna hija turija ta’ strateġija ambizzjuża li qed tħalli l-frott billi ġġib investiment dirett barrani bla preċedent.