HW, Malti u lbies | One News

Notifiki

HW, Malti u lbies

Huma żmien ta’ bidliet fis-settur edukattiv. Bidliet li ilhom mistennija u oħrajn li jqajmu diskussjoni. Biex nifhmu aħjar il-gazzetta Kullħadd tkellmet mal-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo.

Din il-ġimgħa ġie mniedi qafas fuq kif għandu jingħata l-homework. Għalfejn inħass dan il-bżonn?

Il-messaġġ li kienu qed jibagħtu t-tfal u l-ġenituri fil-laqgħat ta’ konsultazzjoni li saru magħhom kien li f’ċerti każijiet qed jirriżulta li l-ammont ta’ homework li jingħata, meta tikkonsidra l-attivitajiet u l-iskeda mimlija tat-tfal, kien f’xi każijiet ftit esaġerat. Għal studenti ta’ xi etajiet, speċjalment tas-sekondarja, il-homework għandu ċertu importanza iżda fl-istess ħin naħseb li jrid jinstab bilanċ. Naħseb li hemm bażi biex issir diskussjoni iżjed wiesgħa fuq il-well-being tat-tfal u ż-żgħażagħ tagħna. Kulħadd irid jara t-tfal tiegħu jimxu ’l quddiem. M’hemmx dubju minn dan, iżda naħseb li għandna nagħmlu dan billi nsibu bilanċ u nagħtu spazju għall-isport u l-kultura, ħin għall-qari, għall-gost u anki ħin għall-mistrieħ. L-edukazzjoni tat-tfal mhix sprint għall-eżamijiet, iżda maratona għal tagħlim li jkabbar il-persuna kemm mil-lat edukattiv u kemm mil-lat soċjali u uman.

Imma biex jinstab bilanċ, qafas fuq il-homework huwa biżżejjed?

Naħseb li hija parti mis-soluzzjoni. Punt ieħor huwa l-eżamijiet. Illum għandna suġġetti, inkluż tas-SEC, fejn l-assessjar isir b’mod kontinwu u mhux giljottina b’forma ta’ eżami. Dan ifisser li qed inkejlu l-ħiliet tat-tfal b’mod wiesa’, u mhux kollox f’sagħtejn. Dan inaqqas ħafna l-pressjoni u nemmen li r-riżultati jitjiebu anke hekk. Però, anke hawn, meta nitkellmu fuq il-piż fuq it-tfal u l-istress li jġib miegħu, nitkellmu biss fuq l-iskejjel u l-edukazzjoni. Kif jgħid il-qawl Afrikan: It takes a village to raise a child. Naħseb din id-diskussjoni m’għandhiex tkun biss fil-kamp tal-edukazzjoni iżda trid tinvolvi s-soċjetà inġenerali, b’mod speċjali l-ġenituri.

Din il-ġimgħa kien hemm diskussjoni fuq il-Malti. X’qed jiġi propost?

Għal min illum jitgħallem il-lingwa Maltija u sejjer tajjeb, xejn mhu se jinbidel. Però għandna minoranza ta’ tfal li, għal raġuni jew oħra, mhumiex. Aħna qed ngħidu, “ejja noħolqu programmi adattati għalihom minflok inwarrbuhom.” Nemmnu li għandu jkun hemm l-obbligu li tfal barranin jitgħallmu l-Malti. Min forsi ġie Malta t’età żgħira u llum għandu Malti tajjeb, dak se jitgħallmu mal-oħrajn, bħala lingwa nattiva. Min ma jkollux din l-opportunità, illum kulma jista’ jagħmel huwa kors tal-Malti bħala Lingwa Barranija għal ftit xhur u daqshekk. Aħna qed ngħidu li dak li jkun, irid ikompli jistudja l-Malti, imma bħala estensjoni ta’ dak il-programm. Jekk qed indaħħlu l-obbligu li l-barranin jitgħallmu l-Malti, naħseb li huwa ġust li dan il-programm ikun adattat għalihom. Dan il-programm, ovvjament, ġaladarba huwa bħala lingwa barranija, mhux se jkun offrut lil tfal Maltin. Hawnhekk qed nitkellmu fuq numri relattivament żgħar, u li permezz t’hekk se jiżdied l-użu tal-Malti. Hekk isir it-tisħiħ tal-lingwa tagħna, u għandna nkunu kburin li qegħdin inżidu din l-enfasi fuq il-lingwa ta’ pajjiżna.

Ftit tax-xhur ilu kien hawn diskussjoni fuq l-uniformijiet u jekk għandhomx jinbidlu. Fiex waslet?

Fil-laqgħat li jkollna mat-tfal, naħseb li l-iktar żewġ temi li jsemmu huma l-homework u l-pressjoni żejda li dan iġib miegħu, u l-uniformijiet. Dwar il-homework naħseb li mxejna pass ’il quddiem din il-ġimgħa. Fuq l-uniformijiet se nkunu qed inwessgħu l-proċess ta’ konsultazzjoni biex ninvolvu aktar ġenituri u edukaturi. Erba’ snin ilu tlabna lill-ġenituri jekk jixtiqux l-uniformi jew le. Ir-rispons kien li jixtiequ tibqa’ l-uniformi. Abbażi t’hekk ma neħħejniex l-uniformi. Iżda l-għajta għal bidla xorta baqgħet b’saħħitha, u allura d-diskussjoni mxiet issa fuq nistgħux nagħmlu bidliet fl-uniformi b’mod li din tagħmel il-ħajja iżjed faċli għat-tfal. Li jkun hemm uniformi ma fiha xejn ħażin, iżda kuntenti kif inhi llum? Din se tkun parti mid-diskussjoni li se nagħmlu mal-ġenituri, u anke hemmhekk se nsaqsuhom dawn il mistoqsijiet b’mod individwali kif għamilna erba’ snin ilu.

Jekk isir qbil li tinbidel, dan ma jfissirx iżjed spejjeż għall-ġenituri?

Nixtieq inserraħ ras il-ġenituri, għax naf kemm hi spiża sostanzjali l-uniformi tat-tfal tagħhom, li jekk ikun hemm bidliet, se naraw li ma jkollhomx impatt fuq in-nefqa, imma jidħlu b’tali mod li xorta jagħmlu użu mill-ħwejjeġ li għandhom illum.

X’hemm iżjed ippjanat ’il quddiem?

Irridu nkomplu naħdmu biex nilħqu iktar tfal. Din il-ġimgħa kont f’laqgħa mat-tfal fl-iskola primarja tan-Naxxar u konna qed nitkellmu fuq l-iskola, l-edukazzjoni u l-homework. Anke fi grupp żgħir ta’ 20 tifel u tifla tara d-differenzi ta’ bejniethom. Karattri differenti u personalitajiet differenti. Min iħobb l-isport, min ma jiddejjaq xejn iqum bilwieqfa u jkanta, u min tarah kwiet kwiet ma jiċċaqlaqx, imma qed jixrob kull kelma. Għalfejn m’għandhomx jitgħallmu u jikbru skont il-ħtiġijiet tagħhom? Dak li qed nagħmlu meta qed ngħidu ejja nwessgħu s-sistema edukattiva, dejjem b’mod ekwu u bi programmi ta’ kwalità. Min kapaċi jitgħallem il-Matematika minn ktieb u min kapaci jitgħallimha billi jkejjel biċċa injama u jaqtagħha. Ġaladarba t-tnejn qed jitgħallmu hemm xi ħaġa ħażina jekk nużaw iż-żewġ metodi?

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend