Ulied ulied dawk li marru fl-Awstralja qed jikkunsidraw li jiġu f’Malta għax-xogħol – One News

Notifiki

Ulied ulied dawk li marru fl-Awstralja qed jikkunsidraw li jiġu f’Malta għax-xogħol

Il-Prim Ministru u s-Sinjura Muscat jiltaqgħu mal-komunità Maltija f’Melbourne

Mijiet ta’ emigranti Maltin, flimkien ma’ uliedhom u ulied uliedhom, ingħaqdu f’attività li ttellgħet f’Melbourne biex din il-komunità Maltija tiltaqa’ mal-Prim Ministru Joseph Muscat u s-Sinjura Michelle Muscat.

Ġejjin minn kull parti ta’ pajjiżna, u issa għal ħafna snin ibbażati fl-istat ta’ Victoria, dawn il-familji jibqgħu jgħożżu dak kollu li huwa Malti. Huma tkellmu mal-familja Muscat dwar it-tifkiriet tat-tfulija u ż-żgħożija tagħhom f’Malta u Għawdex u rrankkontaw kif il-ħajja tagħhom u tal-ġenerazzjonijiet ta’ warajhom kompliet b’suċċess fl-Awstralja.

F’diskors qasir tal-okkażjoni, il-Prim Ministru rringrazzja lill-komunità Maltija f’Melbourne talli attendiet tant bi ħġarha għal din il-laqgħa li saret waqt żjara ta’ ħidma li qed jagħmel fl-Awstralja.

Filwaqt li ħeġġiġhom ikomplu jieħdu sehem fl-attivitajiet organizzati mill-Maltin għall-Maltin, Dr Muscat qal li huwa kruċjali li jipparteċipaw ukoll fil-komunità Awstraljana. Sostna li l-Maltin fl-Awstralja m’għandhomx iħossuhom fi grupp ta’ minoranza imma parti mill-kontinent Awstraljan, daqs kemm iħossuhom parti minn Malta bħala art twelidhom.

Dr Muscat sostna li, kif jixhdu r-riżultati ekonomiċi, f’kull żjara li jagħmel barra minn pajjiżna jipprova jġib iktar xogħol lejn Malta.

Tkellem dwar is-sodisfazzjon li jħoss meta jisma’ li ulied ulied dawk li marru fl-Awstralja biex isibu mpjieg issa qed jikkunsidraw li jiġu f’Malta għax-xogħol.

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Abela u s-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat Clifton Grima wkoll indirizzaw lill-mijiet ta’ emigranti preżenti.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend