Il-Prim Ministru Joseph Muscat ħabbar il-Ġimgħa filgħaxija li l-Gvern se jkun qiegħed jipprovdi ħames miljun ewro mill-Programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment biex jinbnew l-appartamenti fil-qalba ta’ Londra.
Waqt intervent telefoniku l-Prim Ministru qal li l-Gvern permezz taċ-Chief of Staff tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru Keith Schembri kien ilu f’kuntatt ma’ Puttinu sabiex din l-għaqda jkun jista’ jkollha dawn l-appartamenti f’Londra mill-aktar fis possibbli sabiex tlaħħaq mad-domanda tal-pazjenti li qed jitilgħu għall-kura.
Qal li wara li wara li l-Gvern tkellem mal-Fond għall-Iżvilupp Eknomiku u Soċjali, li jamministra l-flus li jidħlu mill-programm ta’ ċittadinanza b’investiment, il-Gvern se jkun qed jikkontribwixxu €5 miljun ewro biex jekk hu possibbli din is-sena jitwettaq il-proġett ta’ bini ta’ appartament ġewwa l-qalba tal-Londra.
Dr Muscat qal li l-bżonn ta’ appartamenti f’Londra huwa ovvju għal dawk kollha li matul is-snin kellhom bżonnhom.
Qal li waqt li l-kura f’Malta qed tiżdied bħal fil-każ tal-mard tal-qalb xorta jibqa’ l-bżonn li nibagħtu Maltin u Għawdxin barra minn xtutna għall-kura speċjalizzata ta’ tipi ta’ kanċer fi sptarijiet ta’ reputazzjoni dinjija ġewwa Londra. Spjega li dan isir permezz ta’ ftehim li l-Gvern Malti għandu u se jibqa’ jkollu ma’ Gvern Ingliż fejn għandna numru ta’ pazjenti li jirċievu trattament b’xejn u wara li jinqabeż in-numru mifthiem il-Gvern iħallas għall-kumplament tal-pazjenti .
Il-Prim Minsitru qal li Puttinu jaħdem id f’id mal-Gvern biex jipprovdu għajnuna kruċjali lil ħafna familji li jkunu jafu meta telgħin għall-kura iżda ma jkunux jafu meta neżlin. Qal li waqt li din l-għajnuna tiswa l-flus, din hija spalla kbira għal dawn il-familji u simbolu tanġibbli ta’ solidarjetà. Qal li minkejja li din il-kura tiswa għexieren ta’ mijiet ta’ eluf ta’ ewro min-naħa tal-Gvern li tingħata b’xejn, u minkejja li issa l-Gvern qed iħallas il-passaġġ taż-żewġ ġenituri, xorta għad fadal ħafna xi jsir.
Dr Muscat qal li l-Gvern jifhem li l-akkomdazzjonijiet fil-qalba ta’ Londra tiswa l-flus u ma tistax tistenna. Qal li b’dawn l-appartamenti fiċ-ċentru ta’ Londra se jiġu mgħejjuna persuni li għandhom bżonn u l-Gvern Malti stess jaqbillu li jkun hemm dawn l-appartament.
B’reazzjoni, Dr Calvagna rringrazzja lill-Prim Ministru, lill-Gvern u lill-uffiċjali kollha fl-uffiċċju tal-Prim ministru tal-għajnuna li taw lill-Puttinu.
https://www.facebook.com/xarabank/videos/1572930286087554/