Il-Ġimgħa mqaddsa ġġib magħha bosta tradizzjonijiet fosthom dawk li jinżlulek għasel daqs kisra ħobż tal-Malti.
Drawwa minnhom hija dik tat-tisjir tal-qagħaq tal-appostli. Ħobża mnebbħa mill-aħħar ċena ta’ Ġesu mad-dixxipli tiegħu.Ma sbieħ il-Ħamis filgħodu one news żar il-forn ta’ Noel Borg f’wieħed mill-bosta fran fil-belt kapitali. Sibna l-furnara għaddejjin bla nifs jaħdmu din il-qagħqa li d-domanda għalija f’dan il-jum tkun waħda kbira.
Noel qal li l-proċess biex isiru l-qagħaq jinvolvi proċess twil li jeħtieġ attenzjoni.
Proċess li beda sa minn Ras ir-Randan, ‘l għada li ntemm il-Karnival, bil-qofol tal-bejgħ jintlaħaq f’Ħamis ix-Xirka u fil-Ġimgħa l-Kbira, fejn kull min iżur minn knisja għal oħra, jagħmel is-seba’ visti, żgur li taqgħalu żaqqu għal qagħqa mimlija ġunġlien u lewż mad-dawra.
Qagħqa li hija magħmula minn ħmira, melħ, xi ftit zokkor, marġerina u fuq kollox ġunġlien u lewż.
Iżda x’inhu s-sigriet ta’ dawn il-qagħaq li jdumu mat-tlieta u għoxrin minuta bix jinħmew?
Mistoqsijin xi kemm jagħmlu qagħaq, il-furnara qalulna li ma jżommux amment kemm għax jagħmlu sakemm ittihom is-saħħa. Fuq kollox, saħqu magħna li l-importanti mhux kemm ikun fiha ġunġlien jew lewż il-qagħqa, imma li tkun tqarmeċ minn barra u friska minn ġewwa sabiex tinżel għasel midluka b’xi ftit butir jew daqsxejn ful tal-istaġun.