It-Tifkira Solenni tal-Aħħar Ikla tal-Mulej tibda f’xi ħin wara nżul ix-xemx, xħin ikun qed joqrob il-lejl. Matulha, il-Knisja tfakkar it-twaqqif tal-Ewkaristija u l-istituzzjoni tal-qadi bħala l-ministeru ewlieni tal-Knisja wara x-Xandir tal-Kelma.Din iċ-ċelebrazzjoni fiha erba’ taqsimiet:
i. Liturġija tal-Kelma
ii. Ħasil tar-Riġlejn
iii. Liturġija tal-Ewkaristija
iv. Purċissjoni għall-post tal-Adorazzjoni
Iċ-ċelebrazzjoni tal-lum mhix il-festa tat-twaqqif tal-Ewkaristija fiha nnifisha; din niċċelebrawha fil-Festa tal-Ġisem u d-Demm tal-Mulej (Corpus). Din tal-lum hija t-tifkira tal-aħħar ikla fil-kuntest kollu tat-Tlett Ijiem Imqaddsa tal-Għid. Fil-fatt, il-Knisja tħeġġiġna biex l-adorazzjonijiet li nagħmlu llum u għada, ma jkunux ikkonċentrati fuq l-Ewkaristija — illum sa nofsillejl biss jistgħu jsiru adorazzjonijiet solenni — iżda riflessjoni dwar dak li beda fiċ-Ċenaklu, twettaq fuq il-Golgota u sab il-qofol tiegħu fil-Qawmien nhar Ħadd il-Għid.
Matul din iċ-ċelebrazzjoni jsir ukoll il-ħasil tar-riġlejn. Fid-dawl tas-Sinodu tal-Isqfijiet dwar iż-Żgħażagħ, il-Fidi u d-Dixxerniment Vokazzjonali, imsejjaħ mill-Papa Franġisku f’Ottubru li ġej fil-Vatikan, din is-sena Monsinjur Arċisqof ser jaħsel riġlejn adolexxenti u żgħażagħ li jirrappreżentaw lill-komunità Nisranija.
Dan is-servizz huwa pprovdut mill-Uffiċċju Komunikazzjoni tal-Kurja – www.knisja.mt