Fiera ta' kreattività organizzata minn Valletta 2018 tiftaħ fl-Esplora | One News

Notifiki

Fiera ta’ kreattività organizzata minn Valletta 2018 tiftaħ fl-Esplora

‘The Strange Travels of Señor Tonet’, fiera ta’ kurżitajiet u pjaċir għall-familja kollha, fetħet il-bibien għall-pubbliku fit-28 ta’ Marzu f’ Esplora, iċ-Ċentru Interattiv għax-Xjenza, fil-Kalkara.

Għal dan il-proġett, artisti rinomati minn Katalunja, Tombs Creatius, ingħaqdu ma’ Esplora kif ukoll ma’ studenti tat-teknika sabiex jiddisinjaw installazzjonijiet mekkaniċi interattivi speċifikament għal Valletta 2018.

F’din il-fiera niltaqgħu ma’ Señor Tonet, karattru interessanti li se jintroduċi lill-udjenza mal-karattri misterjużi li jiltaqa’ magħhom waqt l-avventuri strambi tiegħu. Jagħmel dan permezz ta’ installazzjonijiet individwali mibnija f’kaxxi, b’ kull waħda tirrifletti storja partikolari. L-artisti ħolqu wkoll logħba interattiva oriġinali għal Malta, li se tibqa’ f’Esplora wara li tispiċċa l-fiera. Din il-logħba hija ispirata minn żewġ immaġini sinonimi mal-kultura Maltija: id-dgħajsa tal-pass u l-Mara r-Rieqda. L-għan tal-artisti hu li jikkuntentaw lit-tfal billi jagħtuhom l-opportunità li jgawdu dan il-logħob interattiv.

Id-direttriċi ta’ Esplora, Rachael Blackburn, qalet li matul il-fiera, dawk preżenti se jkollhom l-opportunità li jsegwu kull storja b’mod kreattiv, permezz ta’ logħob interattiv li jolqot lill-familja kollha, kemm lit-tfal, kif ukoll lill-adulti.

Din il-fiera se ddum miftuħa għal ġimgħatejn, u se tkun qed tittella’ f’żewġ siti differenti. Bejn it-28 ta’ Marzu u l-1 ta’ April, se tkun qed tittella’ f’Villa Bighi Plaza, biswit Esplora, iċ-Ċentru Interattiv għax-Xjenza f’Bighi, l-Kalkara. Bejn l-4 ta’ April u t-8 ta’ April, il-fiera se timxi lejn Pjazza Tritoni fil-Belt Valletta. Il-ħinijiet tal-ftuħ huma l-istess kuljum fiż-żewġ siti, fejn il-fiera se tkun miftuħa bejn l-għaxra ta’ filgħodu u l-erbgħa ta’ wara nofsinhar, bl-eċċezzjoni tas-7 ta’ April, fejn il-fiera se tkun miftuħa bejn nofsinhar u s-sitta.

Għal aktar informazzjoni, żur valletta2018.org.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend