Bħal-lum, eżatt f'dan il-ħin 11.18 ta' filgħodu tqiegħdet l-ewwel ġebla fuq dik li llum hija il-belt kapitali Ewropea tal-Kultura | One News

Notifiki

Bħal-lum, eżatt f’dan il-ħin 11.18 ta’ filgħodu tqiegħdet l-ewwel ġebla fuq dik li llum hija il-belt kapitali Ewropea tal-Kultura

Il-ħin kien il-ħdax u tmintax-il minuta ta’ filgħodu, id-data 28 ta’ Marzu 1566.

Dakinhar tqiegħdet l-ewwel ġebla tal-Belt Valletta.

Iċ-ċerimonja kienet saret fejn illum hemm il-Knisja tal-Vitorja.

Dakinhar il-Granmastru Jean Parisot de la Valette ppreseda ċ-ċerimonja pompuża fejn waqt it-tqegħid tal-ewwel ġebla kien hemm Patri Agostinjan Sqalli Majjistru Spirito Aguissola li niseġ id-diskors huwa wkoll.

Taħt tinda apposta kienet ġiet iċċelebrata quddiesa minn Patri Giovanni Pietro Mosquet.

Fi tmiem il-quddiesa kienu ġew sparati għadd ta’ tiri minn kanuni bħala salut u ċ-ċelebrant prinċipali l-ewwel bierek il-belt innifisha imbagħad tbierku l-erba’ bastjuni fuq kull naħa tal-belt li aktar tard saret iċ-ċentru amministrattiv tal-gżira.

L-ewwel ġebla mnaqqxa bis-salib bit-tminn ponot kienet xejn għajr toqba fuq is-sur ta’ San Ġwann, viċin fejn illum hemm il-ġnien ta’ Hastings.

Filfatt dokumenti li jitkellmu dwar iċ-ċerimonja li kienet saret jgħidu li l-kotra mxiet mill-Vitorja għal Kavalier ta’ San Ġwann.

L-arkitett mibgħut mill-Papa Piju V, Franġisku Laparelli kien fdat bid-disinn tal-Belt Valletta.

Huwa kien preżenti għal din iċ-ċerimonja u l-istorja tgħid li huwa niżel għarkubtejh quddiem il-Granmastru u dan libbislu ġiżirana bħala turija t’apprezzament.

Illum, 452 sena wara, il-kapitali tagħna qed tiċċelebra avveniment tant importanti għaliha u għal pajjiż.

Illum il-Belt Valletta hija l-belt kapitali Ewropea għall-Kultura u l-iżviluppi storiċi li għaddiet minnhom se jibqgħu mnaqqxin fl-istorja tant glorjuża ta’ din il-belt.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend