Bir-Ritratti: Ma niċħdek qatt – mill-Faċilità korrettiva ta’ Kordin – One News

Notifiki

Bir-Ritratti: Ma niċħdek qatt – mill-Faċilità korrettiva ta’ Kordin

Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca, flimkien mal-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia, l-Arċisqof Emeritus Mons. Pawlu Cremona u l-kelliem għall-Oppożizzjoni Beppe Fenech Adami attendew għad-dramm ‘Ma niċħdek qatt’ imtella’ mill-Fondazzjoni mid-Dlam għad-Dawl u mid-direzzjoni tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

“Nixtieq nagħti ħajr lill-Fondazzjoni mid-Dlam għad-Dawl u lil dawk kollha li għenu biex għal sena oħra tittella’ produzzjoni teatrali f’dawn il-jiem tal-Ġimgħa Mqaddsa. Nirringrazzjahom ukoll tax-xogħol kontinwu tagħhom sabiex jgħinu lir-residenti tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, biex għada pitgħada jkunu jistgħu jintegraw b’mod sħiħ fis-soċjetà tagħna,” tenniet il-President Coleiro Preca.

Il-Ministru Michael Farrugia rringrazzja lil kull min ta sehmu biex jittella’ dan id-dramm eċċezjonali li ta l-lok għal diversi ħsibijiet. Id-dramm ta l-opportunità biex wieħed jinnota l-kruha tal-vjolenza domestika, il-vittmi tad-droga li sfortunament twassal persuni biex jaqbżu l-limiti biex ikunu jistgħu jserħu l-kilba, u s-sabiħ tal-maħfra. Huwa rringrazzja lill-NGOs u kull individwu li b’xi mod jew ieħor jgħinu fir-riabilitazzjoni tar-residenti tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Il-Ministru Michael Farrugia qal li bħalissa l-Ministeru qiegħed jaħdem biex tiddaħħal sistema ta’ management aħjar li fuqha se tkun ibbażata ir-riforma. Barra minn hekk, se tkun evalwata kif tista’ titjib ir-riabilitazzjoni tar-residenti u hekk ir-residenti fil-Faċilità jkollhom it-taħriġ neċessarju u joħorġu b’ċertifikati li jagħtuhom l-opportunità biex meta jtemmu s-sentenza tagħhom jidħlu fid-dinja tax-xogħol.

‘Ma niċħdek qatt’ hu mtella’ mill-Fondazzjoni mid-Dlam għad-Dawl bl-għajnuna u l-koperazzjoni tad-direzzjoni tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, b’mużika oriġinali ta’ Maria Buttigieg Brooks, kitba u reċtar mir-residenti tal-Faċilità u direzzjoni ta’ Jason Zerafa. Bil-parteċipazzjoni ta’ Christabel Scerri, Lorna Fiorini, Sebastian Calleja u Glen Callus. Id-dramm qed jitella’ mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin kuljum sal-Ġimgħa 30 ta’ Marzu mill-17:30hrs – 18:45hrs, kif ukoll bi produzzjoni oħra l-Ħamis 29 ta’ Marzu fl-10:00hrs u l-Ġimgħa mid-09:30hrs – 11:00hrs.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend