Bejn Ottubru u Diċembru tal-elfejn u sbatax in-numru ta’ persuni jaħdmu f’pajjiżna qabeż il-mitejn elf, li jfisser żieda ta’ ħamsa punt wieħed fil-mija meta kkumparat mas-sena elfejn u sittax.
Ikkonfermat dan statistika tal-uffiċċju nazzjonali tal-istatistika, l-NSO, li tat l-aħħar dettalji għas-sena li għaddiet.
Statistika li tindika li disgħa u sittin minn kull mitt persuna f’pajjiżna, li għandha bejn ħmistax u erbgħa u sittin sena, għandha impjieg. Bir-rata ta’ impjieg fost l-irġiel li għandhom din l-età timmarka l-wieħed u tmenin punt tlieta fil-mija u sitta u ħamsin punt sebgħa fil-mija fost in-nisa.
Dan filwaqt li turi ukoll żieda fin-numru ta’ persuni jaħdmu full-time dan hekk kif meta wieħed iqabbel l-elfejn u sbatax u l-elfejn u sittax, dawn żdiedu b’aktar minn ħdax-il elf biex laħqu t-total ta’ mija, sitta u sebgħin elf, erba’ mija tmienja u sebgħin. Dan filwaqt li sebgħa u għoxrin elf, mija u tlieta u sebgħin persuna kienu qed jaħdmu part-time.
Fl-istess perjodu, r-rata ta’ persuni mingħajr impjieg kienet ta’ tlieta punt sebgħa fil-mija. Rata li kompliet tonqos meta kkumparat mal-persentaġġ ta’ erbgħa punt tnejn fil-mija fl-istess perjodu fl-elfejn u sittax. Dan filwaqt li l-istatistika turi li r-raġuni ewlenija wara n-numru ta’ persuni inattivi fis-suq tax-xogħol hija li dawn laħqu l-età tal-irtirar.
L-istatistika tagħmel referenza ukoll għas-salarju medju għall-ħaddiema f’Malta matul is-sena li għaddiet, li laħħaq is-sbatax-il elf, disà mija u ħdax-il ewro, żieda ta’ mitejn u wieħed u erbgħin ewro meta kkumparat ma’ dik tal-elfejn u sittax.