In-‘New Way’ ta’ Delia – One News

Notifiki

In-‘New Way’ ta’ Delia

“Don’t keep on washing your hands. Suspend Pilatus Bank license now!”

Hekk qal Adrian Delia lill-Prim Ministru ftit mumenti wara li ġie rraportat fl-aħbarijiet li ċ-Chairman tal-Pilatus Bank kien arrestat fuq allegat akkużi t’evażjoni ta’ sanzjonijiet ekonomiċi imposti mill-Istati Uniti fuq l-Iran – minn għadd ta’ kumpaniji ohra f’ismu. Mhux se nidħol fil-mertu tal-akkuża jew tal-integrita’ tal-ex-chairman tal-Bank, għal dan inħalli l-awtoritajiet u l-qrati tal-Istati Uniti sabiex jagħmlu l-investigazzjonijiet neċessarji.Biex nerġa’ niġi għas-sentenza li bdejt biha… Statement bħal dak jinkwetani immens, speċjalment meta ġej mill-Kap tal-Oppożizzjoni, persuna li suppost jaf ahjar. Qas naċċetta ngħid li ħa zball fi kliemu, għax din kienet miktuba fuq tweet, fejn zgur kellu l-ħin sabiex jaħseb dwar dak li qed jikteb! Għalhekk, la kitibha sinjal li jemminha – sinjal li jahseb li bħala Prim Ministru wieħed jista’ jagħmel li jrid u jissospendi (jew jgħati) l-liċenzja lil min irid hu! Biex ngħid kollox, ftit tal-ħin wara, quddiem il-ġurnalisti, biddel il-verzjoni ta’ dak li kiteb billi qal li l-Prim Ministru ma jistax jissospendi liċenzji. Nahseb l-abbatini tad-Dar Ċentrali illuminawh li kien għażaqha ftit tal-ħin qabel!

Immaġinawh Prim Ministru lil Delia. Ċirkostanzi u sfidi jfaqqsu kull ħin, u jkollhom bzonn deċizjoni meqjusa u mingħajr dewmien żejjed. Immaġinaw il-kapaċita’ tiegħu sabiex jieħu l-aħjar deċiżjoni mingħajr ma jipperikola x-xogħol, l-investiment u l-familji….deċiżjonijiet kruċjali u li jittieħdu skont il-parametri tal-liġi u fil-poteri tal-Prim Ministru. Iġifieri jekk Delia jkun Prim Ministru, dan se joqgħod jindaħal fil-ħidma tal-Awtoritajiet indipendenti? Delia se joqgħod jgħid liċ-chairpersons tal-entitajiet lil min għandhom jatu liċenzja jew le? Dik hija r-Rule of Law li tant iħambaq dwarha Delia?!

Dawn is-sitwazzjonijiet huma testijiet zgħar għall-kapaċità ta’ Delia u t-tim tiegħu fi ħdan il-Partit Nazzjonalista. B’umiltà nghid li s’issa fallew f’kull test li ġie għalihom. Iħambqu u jkunu negattivi fuq kullox. Alla jbierek xejn ma jsir sew minn dan il-Gvern. U l-ftit proposti li ħarġu bihom, bagħtu l-pajjiż jiddejjen. Naċċetta li tikkritika deċiżjoni, iżda huwa fid-dmir li bħala oppożizzjoni tressaq proposti fattibbli sabiex niddiskutu l-ideat, mhux l-individwi. Huwa tal-biki li diversi esponenti, kemm Membri Parlamentari kif ukoll wħud minn dawn il-pseudo-paladini tal-ġustizzja li jinżlu fit-toroq, li l-politika irriduċewha għall-ġlieda t’attakki fuq l-individwi milli fuq l-ideat.

Bħala ċittadin Malti rrid li jkollna oppozizzjoni b’saħħitha. Adrian Delia wiegħed bidla. S’issa ma wettaq xejn differenti minn ta’ qablu – anzi inġarr mal-kurrent tal-klikka u qed ikun negattiv aktar minn ta’ qablu.

 

Ta’ QabelLi Jmiss
Chris Balzia għandu 30 sena u jgħix Birżebbuġa. Studja l-inginerija tal-avjazzjoni fil-kulleġġ tal-MCAST. Waqt li kien qed jaħdem f’dan is-settur, reġa’ ssokta bl-istudju tiegħu fejn ggradwa mill-Università ta’ Londra b’Diploma fl-Ekonomija. Bħalissa jinsab għaddej bl-istudji tiegħu għal Degree fil-Management. L-attiviżmu politiku minn dejjem kien jinteressaħ u jassoċja ruħu mal-ideali poltiċi xelluġin. Matul il-hajja studenteska tiegħu kien attiv mal-għaqda Pulse fejn anki serva għal diversi snin fl-eżekuttiv tal- għaqda. L-impenn politiku kompla bl-involviment fil-fergħa tal-Forum Żgħażagħ Laburisti ta’ Birżebbuġa u fl-eżekuttiv tal-FZL mill-2011 sa Frar tal-2016. Apparti l-interess fil-politika, impenn ieħor għal qalbu huwa l-iScouting. Chris ilu membru tal-iScouts mill-eta’ ta' sebgħa snin u baqa’ attiv fl-istess assoċjazzjoni fejn bħalissa jokkupa l-kariga ta’ Scout Leader mall-grupp ta' Birżebbuġa.

Send this to a friend