Rebħa mit-tim nazzjonali Malti tar-Rugby kontra Andorra – One News

Notifiki

Rebħa mit-tim nazzjonali Malti tar-Rugby kontra Andorra

It-tim nazzjonali Malti tar-Rugby Union rebaħ Conference South 1 tal-kampjonat ta’ Rugby Europe meta fl-aħħar logħba tiegħu fil-Hibs Stadium f’Kordin ġab fix-xejn lill-Andorra b’rebħa kbira u storika ta’ 89 għal 3.

Logħba li kif jixhed ir-riżultat kienet bla storja, b’mod speċjali fit-tieni taqsima. Kienet wirja kollettiva mill-plejers Maltin li rebħu l-ewwel taqsima 26 għal 3, bl-uniċi tlett punti ta’ Andorra jaslu minn penalty.

L-avversarji ikkrollaw fit-tieni taqsima, bit-tim Malti tella’ għadd kbir ta’ punti minn tries u conversions.

L-aqwa skorer għal Malta kien James O’Brien, bi 22 punt minn żewġ tries u sitt conversions. Ta’ nota iż-żagħżugħ Brendon Dalton li għamel tlett tries personali biex tella’ 15-il punt għal Malta. Min-naħa tiegħu James Kirk tella’ għaxar punti minn żewġ tries.

L-iskores l-oħra għal Malta kienu: Benjamin Borg, Daniel Apsee, Daniel Holliday, Clayton Cassar, Luke Watts, Matthew Spiteri, Chris Dudman u Rob Holloway, kollha bi try kull wieħed. Holloway tella’ wkoll żewġ punti minn conversion.

Wara r-rebħa tal-lum, it-tim Malti issa jkun impenjat ix-xahar id-dieħel fi play off kontra r-rebbieħ ta’ Conference North sabiex jikseb il-promozzjoni fir-Rugby Europe Trophy.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend