Aġġornat: Jinżammu arrestati wara sejba ta' 40 kilo droga | One News

Notifiki

Aġġornat: Jinżammu arrestati wara sejba ta’ 40 kilo droga

Is-Sibt tressqu l-Qorti t-tliet irġiel arrestati waqt rejd fil-Ħamrun nhar il-Ħamis, liema rejd waqtu nstabu erbgħin kilo ta’ droga allegatament kannabis.

Austin Mallia ta’ tlieta u tletin sena u Michele Artale taljan ta’ seba u erbgħin sena ma ngħatawx il-ħelsien mill-arrest wara li ġew imressqa l-qorti mixlija b’pussess ta droga allegatament kannabis misjuba fl-istess operazzjoni.

Flimkien ma’ dawn iż-żewġt irġiel tressaq il-Qorti wkoll Taljan ieħor ta’ tlieta u erbgħin sena Sandro Lo Presti li ġie arrestat waqt li kienet għadejja l-interogazzjoni tat-tnejn l-oħra.

Huma ġew mixlija wkoll li impurtaw u li assoċjaw rwieħhom biex tinbiegħ u tiġi traffikata din il-droga u li kellhom fil-pussess tagħhom din is-sustanza f’ċirkustanza li turi li ma kinitx għall-użu esklussiv tagħhom.

Fil-Qorti d-difiża mmexxija mill-Avukati Christopher Chircop u Arthur Azzopardi talbu għall-ħelsien mill-arrest. Madankollu l-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispetturi Kevin Pulis u Jonathan Cassar oġġezzjonaw għal din it-talba.
Dawn tal-aħħar argumementaw li l-investigazzjoni b’rabta ma’ din is-sejba għadha għadejja u tista’ twassal għal iżjed sejbiet, u għad hemm xhieda pajżana li għad trid titla tixhed. Għaldaqstant jekk dawn jingħataw il-ħelsien mill-arrest din ix-xhieda tista’ tiġi kkontaminata.

Il-Maġistrat ma laqgħatx it-talba tad-difiża tal-ħelsien mill-arrest u għalhekk it-tliet irġiel se jinżammu arrestati.
Madankollu bi qbil bejn id-difiża u l-prosekuzzjoni – iż-żewġ Taljani ser jinżammu arrestati b’mod separat fil-faċilita korettiva ta’ Kordin u l-Malti ser jinżamm arrestat fit-taqsima forensika fl-Isptar Monte Karmeli fuq talba tal-istess difiża  dan anke jekk ma jbati mill-ebda kundizzjoni mentali. Dan biex ikun evitat kull kuntatt bejn l-akkużati.

Fuq talba tal-prosekuzzjoni it-tliet akkużati kellhom l-assi kollha tagħhom iffriżati.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend