Jibda l-proċess biex il-masġar ta' Ulysses Grove fix-Xewkija jinbidel f'park għall-familja | One News

Notifiki

Jibda l-proċess biex il-masġar ta’ Ulysses Grove fix-Xewkija jinbidel f’park għall-familja

Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana ħabbret li nbeda il-proċess ta’ sejħa għall-offerti li għandu jwassal biex il-masġar ta’ Ulysses Grove jinbidel f’park għall-familja kollha.

Dan il-proġett se jara li dan il-masġar, li ftit li xejn hu aċċessibbli, jiġi trasformat f’post ta’ rilassament b’enfasi speċjali fuq l-attività fiżika. F’dan il-post se tiġi installata trakka li tista’ tintuża kemm għall-mixi, ġiri u anke għar-rota fuq distanza ta’ kilometru.

Il-Ministru Justyne Caruana qalet li dan se jkun proġett innovattiv għal Għawdex. Hi qalet li dan l-ispazju se jipprovdi lir-residenti Għawdxin valur miżjud, mhux biss għal min jipprattika attività sportiva, iżda wkoll għal min ifittex spazji miftuħa għall-mistrieħ. Il-Ministru Caruana fakkret li dan mhux proġett iżolat imma parti minn kullana ta’ proġetti oħra li imbarka fuqhom il-Minsteru għal Għawdex biex jipprovdi spazji miftuħa lill-familji, ewlenin fosthom il-petting farm li bħalissa għaddej ix-xogħol fuqu fil-farm sperimentali, u r-riġenerazzjoni tal-Fanal tal-Ġordan.

Il-Ministru għal Għawdex qalet li spazji bħal dawn, li huma neqsin fil-gżira Għawdxija, ikomplu jippromwovu l-aspett tal-inkluzjoni soċjali kif ukoll l-attività fiżika, u dan għaliex dan il-park se joffri spazju adegwat fejn ikunu jistgħu jsiru attivitajiet sportivi. Il-Ministru Caruana spjegat li dan il-post abbandunat se jinbidel, u li fil-proċess ingħatat attenzjoni speċjali lill-ambjent naturali hekk kif ammont żgħir ta’ siġar se jiġu allokati mill-ġdid fl-istess masġar filwaqt li se jiġu mħawla numru ieħor ta’ siġar indiġeni f’postijiet oħra tal-imsemmi masġar.

Dan il-proġett ġie maqsum fi tliet fażijiet. L-ewwel fażi, liema sejħa għall-offerti diġà ġiet ippubblikata, se tkopri l-proċess ta’ livellar u se tisaħħaħ il-bażi fejn se ssir it-trakka u materja oħra relatata. It-tieni fażi se tkopri l-bini ta’ entraturi ġodda, it-tiswija ta’ dawk preżenti, kif ukoll ir-restawr tal-ħitan tas-sejjieħ. It-tielet u l-aħħar fażi se tara l-installazjoni ta’ tgħamir bħal bankijiet u open air gym biex dan il-park tal-familja jibda jitgawda mill-pubbliku inġenerali.

Dan il-proġett hu ko-finanzjat minn fondi Ewropej.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend