Fl-isfond ta’ uffiċjali tal-pulizija lesti biex jieħdu telefonati li għalihom tweġiba fil-waqt tfisser id-differenza bejn ħajja u mewt, tnieda l-uffiċċju l-ġdid tan-numru tal-emerġenza wieħed wieħed tnejn b’investiment ta’ żewġ miljun u tliet mitt elf ewro.
Il-control room il-ġdida li tinsab fid-depot tal-Pulizija ġiet mgħammra bl-aħħar teknoloġija bil-għan li jkompli jonqos il-ħin mindu ssir it-telefonata sakemm tasal l-għajnuna fuq il-post tal-inċident.Fil-fatt kull telefonata biex jintalab l-intervent tal-ambulanzi, il-ħaddiema tat-tifi tan-nar jew il-pulizija se tibda tiġi rreġistrata u trattata b’mod immedjat minn din it-taqsima.
Barra minn hekk iddaħħlu teknoloġiji ġodda li permezz tagħhom il-Pulizija se tkun tista’ tidentifika l-post eżatt li minnu tkun ġejja t-telefonata, biex b’hekk tkun tista’ twieġeb b’iktar ħeffa għall-emerġenza li tkun inqalgħet. Dan flimkien mal-kisba tad-dettalji ta’ sid il-linja li minnha tkun saret it-telefonata ta’ emerġenza.
Iddaħħlet ukoll il-faċilità li karozzi moderni, iġifieri dawk manifatturati mill-elfejn u tmintax ’il quddiem, b’mod awtomatiku jagħmlu kuntatt mas-servizz tal-emerġenza meta jkunu nvoluti f’inċident tat-traffiku. Kuntatt li minnu nnifsu joffri bosta dettalji, kif spjegalna c-Chief Information Officer fi ħdan il-Ministeru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, Christopher Bell.
Servizz li jiswa mitqlu deheb li wkoll jintalab mis-sewwieq.
Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia tenna kif hawn jiġu trattati każijiet ta’ ħajja u mewt, fejn ma jistax ikun hemm ħin mitluf.
Investiment li qed isir fuq il-fronti kollha tas-servizzi tas-sigurtà f’pajjiżna, li kif tixhed il-preżenza tal-ogħla uffiċjali f’din il-konferenza, hemm koperazzjoni sħiħa bejniethom.