Ilbieraħ filgħaxija, għall-ħabta tas-sebgħa neqsin kwart (1845hrs), il-Pulizija ġiet infurmata li kien għadu kemm seħħ inċident tat-traffiku fi Triq il-Qaliet, Marsaskala.
Il-Pulizija tad-Distrett marret minnufih fuq il-post u minn stħarriġ preliminari li sar, irriżulta li raġel Taljan li għandu 45 sena, għal xi raġuni safa milqut minn vettura tat-tip Toyota Fun Cargo li kienet qed tinstaq minn raġel ta’ 32 sena li joqgħod Marsaskala.
Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lill-vittma l-Isptar Mater Dei għall-kura. Iktar tard, huwa ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi serji.
Bil-każ ġie infurmat il-Maġistrat tal-Għassa Dr G Mercieca LL.D, li ordna li ssir inkjesta u ħatar diversi esperti sabiex jassistuh.
L-investigazzjoni tal-Pulizija għadha għaddejja.