Direttur ta’ kumpanija tat-teknoloġija tal-informtatika ġie rilaxxat fuq pleġġ wara li ġie akkużat fil-qorti bi vjolenza domestika.
Ir-raġel li ismu ma jistax jissemma fuq ordni tal-qorti, wieġeb mhux ħati għalkemm ma kkontestax il-fatti. Fix-xhieda tagħha, s-sieħba tal-akkużat u omm ta’ binhom ta’ sittax-il sena, ddikjarat li ma xtaqitx li l-proċeduri kriminali jkomplu.
L-avukati difensuri tar-raġel iddikjaraw li l-akkużat, qed jobbliga lilu nnifsu li jingħata trattament ta’ kontroll għar-rabja u li sakemm jiġu konklużi l-proċeduri tal-qorti, jgħix separatament mill-mara.
Il-ħelsien mill-arrest ingħata wara li l-prosekuzzjoni qalet li mhux se toġġezzjona sakemm ikunu imposti kundizzjonijiet suffiċjenti.
Ir-raġel inħeles mill-arrest fuq garanzija personali ta’ tlett elef ewro u li jmur jiffirma fl-għassa darba fil-ġimgħa. Dan filwaqt li ma jkollu l-ebda kuntatt ma’ xi ħadd mix-xhieda.