Mid-disa’ ta’ April li ġej il-kawżi kollha li għandhom x’jaqsmu ma’ kumpaniji jew ta’ natura kummerċjali ser jibdew jinstemgħu b’mod separat quddiem il-Qorti tal-Kummerċ li twaqqfet f’dawn l-aħħar jiem.
Il-Qorti li se topera b’mod separat minn qrati oħra se tkun ippreseduta mill-Imħallfin Joseph Zammit Mc Keon u Mark Chetcuti li ntgħażlu mill-Prim Imħallef biex ikunu huma li jisimgħu dawn il-kawżi li bħalissa jinstemgħu quddiem il-qrati ċivili.Il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici qal li din il-qorti ser taħdem b’mod differenti minn qrati oħra għax ser tagħmel użu mill-aħħar teknoloġiji.
Is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri qal li t-twaqqif ta’ din il-qorti saret fuq xewqa ta’ diversi negozjanti bil-għan li tonqos il-burokrazija u anke ż-żmien ta’ stennija li jfisser telf ta’ flus.
Il-Qorti tal-Kummerċ kienet teżisti sas-snin disgħin, meta għal xi raġuni tneħħiet mill-amministrazzjoni ta’ dak iż-żmien bil-konsegwenza li żdied id-dewmien biex jinqatgħu l-kawżi.