Is-Segretarju Parlamentari Dr Aaron Farrugia qal li l-Awtorità tal-Ippjanar hija prijorità għall-Gvern. Huwa qal li l-proġetti li qed jitħabbru għandhom valur ta’ €2 miljun u huma kofinanzjati mill-Fond Soċjali Ewropew. “Flimkien mal-proġett tas-SintegraM li kien imħabbar ftit tax-xhur ilu, nistgħu ngħidu li l-Awtorità tal-Ippjanar ibbenefikat minn €8 miljun ewro f’Fondi Ewropej,” saħaq Farrugia.
Fejn jidħol l-ewwel proġett, Farrugia qal li l-pjan tiegħu huwa li jsaħħaħ il-kapaċità istituzzjonali u amministrattiva tal-Awtorità tal-Ippjanar u awtoritajiet oħrajn biex ikun assigurat li l-proċeduri li jirrelataw ma’ pjanar jiġu implimentati b’mod effettiv. Huwa spjega li l-għan tal-proġett ser jiġi indirizzat permezz ta’ taħriġ li se jsaħħaħ lill-Awtorità tal-Ippjanar u l-consultees tagħha. Permezz ta’ dan it-taħriġ ser jiġi assigurat li l-uffiċjali relevanti jkollhom l-għarfien neċessarju u l-ħiliet kollha biex jimplimentaw il-proċeduri tal-Awtorità tal-Ippjanar.Fuq it-tieni proġett, is-Segretarju Parlamentari saħaq li dan huwa relatat mal-proġett tas-SintegraM, liema proġett ser iwaqqaf u jimplimenta struttura t’informazzjoni spazjali li ser iservi l-Gvern u l-entitajiet kollha b’informazzjoni aktar aċċessibbli. Dan il-proġett huwa mqassam madwar il-Gvern sħiħ u permezz tiegħu ser jingħata taħriġ fuq livell ta’ Diploma, Baċellerat, u anke Masters. Apparti hekk, dan il-proġett ser inaqqas il-piżijiet amministrattivi billi jissuplixxi l-entitajiet rispettivi b’informazzjoni real-time permezz ta’ sistemi ta’ informazzjoni ta’ immaniġġjar u għarfien li ser jiggwadanjaw l-uffiċjali pubbliċi. Farrugia kkonkluda billi qal li dan il-proġett qiegħed jgħin biex aktar ’il quddiem jidħol il-kunċett ta’ spatial led policy development ġewwa Malta.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar u s-Suq tal-Proprjetà Chris Agius tkellem dwar l-ewwel proġett, imsejjaħ “Spatial Train Scholarship Scheme” fejn qal li dan huwa proġett ta’ natura pjuttost teknika u avvanzata. Fil-fatt it-taħriġ kontemplat ikopri diversi livelli li jvarjaw minn dak introduttorju fuq livell ta’ ċertifikat (MQF 4), Diploma (MQF 5), sa livelli Universitarji, kemm fil-livell ta’ Baċellerat (MQF 6) kif ukoll fil-livell ta’ Masters (MQF 7).
Huwa tkellem ukoll fuq it-tieni proġett imsejjaħ “PA+” li huwa prinċiparjament intenzjonat għall-impjegati f’kull livell tal-Awtorità. Dan il-proġett isegwi l-għan tal-Gvern li jkun hemm amministrazzjoni pubblika li tipprovdi servizz b’valur tajjeb, li għalkemm tkun tiswa, tkompli tevolvi biex tilqa’ l-isfidi soċjo-ekonomimici tal-pajjiż kemm dawk attwali kif ukoll dawk tal-futur. Għalkemm il-mira prinċipali huma l-ħaddiema tal-Awtorità, hemm ukoll taħriġ intenzjonat għal kontributuri esterni għal proċess tal-ippjanar, bħal Kunsilli Lokali (li fil-proċess il-ġdid għandhom ukoll rwol f’ċertu tipi ta’ deċiżjonijiet fuq applikazzjonijiet għal iżvilupp), kif ukoll aġenziji meqjusa bħala statutory consultees. Ma’ dawn tal-aħħar issir konsultazzjoni awtomatika u dan jgħin sabiex jintlaħqu l-miri tat-terminu ta’ żmien li fihom trid tiġi determinata applikazzjoni għall-iżvilupp.
Huwa għalaq id-diskors tiegħu fejn aċċenna li taħrig bħal dan huwa essenzjali biex l-istaff fil-livelli kollha tal-Awtorità ikun jista’ jgawdi minn tagħrif aġġornat biex b’hekk l-Awtorità tkun f’pożizzjoni li toffri servizzi aħjar fil-qadi ta’ dmirijietha, kif kien imfisser fil-proċess tar-riforma tal-2016.