Il-Bank of Valletta għalaq is-sena finanzjarja 2017 bi profitt ta’ mija u erbgħa u sebgħin punt sebgħa miljun ewro. Dan ħabbru ċ-Chairman tal-Bank Deo Scerri li qal li tul dawn il-ħmistax ix-xahar il-qligħ prinċipali żdied b’ħamsin miljun ewro meta mqabbel mas-sena ta’ qabel.
Is-Sur Scerri spjega li dawn ir-riżultati eċċellenti li kiseb il-Bank of Valletta huma frott is-sitwazzjoni ekonomika Maltija.Apparti s-suċċess ekonomiku, il-Bank irnexxielu jikseb dan ir-riżultat eċċellenti frott l-ishma tar-Rights Issue kif ukoll tal-qliegħ kapitali li b’kollox laħqu ftit aktar minn sittax fil-mija. Il-Bank irrapporta żieda ta’ tlieta punt tlieta fil-mija fil-Kapital ta’ Ekwità Komuni- meta mqabbel mas-sena 2016.
Waqt dan ir-rendikont tas-sena finanzjarja, l-Bank of Valletta ħabbar kif il-Bord tad-Diretturi rrakkomanda dividend finali gross ta’ tmien ċenteżmi għal kull sehem, li meta jingħadd mad-dividend ta’ nofs is-sena, iwassal għal total gross ta’ ħdax-il ċenteżmu punt sitta għal kull sehem.
Ġie rrakkomandat ukoll li l-azzjonisti ser ikollhom il-possibilita’ li minflok jirċievu flus kontanti jieħdu aktar kapital ta’ ishma; dan ifisser li l-azzjonijiet ser ikunu jistgħu jixtru aktar ishma b’rati favorevoli.
Bank of Valletta għalaq is-sena finanzjarja mifruxa fuq medda ta’ 15-il xahar b’ekwità total ta’ 962 miljun ewro.
It-total globali tad-depożiti laħaq l-għaxar punt wieħed biljun ewro – liema transazzjonijiet saru mill-konsumatur li ddepożitaw kemm fil-kontijiet kurrenti kif ukoll f’tat-tfaddil.