John Lawrence Formosa, ta’ erbgħin sena, għalkemm immanettjat, qabeż minn tieqa biex jaħrab mill-pulizija li kienu qed ifittxulu f’daru.Formosa li għandu rekord kriminali kkulurit, kien diġà ħarab mill-għassa tal-pulizija ta’ Bormla fejn mar biex jiffirma wara li pulizija kkonfrontah dwar serqa riċenti.
Fil-Qorti, Formosa kien akkużat li għamel rapport falz kontra żewġ uffiċjali tal-pulizija, li mar kontra l-kors tal-ġustizzja, hedded lill-uffiċjali tal-pulizija, li ħarab mill-kustodja u għamel ħsara lil par manetti.
Filwaqt li Formosa qal li hu l-vittma, d-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest filwaqt li l-prosekuzzjoni nnutat kif l-akkużat ħarab mill-kustodja tal-pulizija darbtejn f’ġurnata.
Il-Qorti qalet li ma kinitx konvinta li l-akkużat kien se josserva l-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest u għalhekk ċaħdet il-ħelsien.