Il-Ministru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma Joe Mizzi qal li l-Gvern Malti huwa favur koperazzjoni b’saħħitha fis-settur tal-ilma, speċjalment fid-dawl ta’ sfidi ġodda fl-immaniġġjar tal-ilma li qegħdin jirriżultaw mit-tibdil fil-klima.
Huwa qal dan waqt it-tmien edizzjoni tal-World Water Forum li qed issir fi Brasilia, il-Brażil. Din hija l-akbar konferenza relatata mal-ilma fid-dinja, u hi organizzata mill-World Water Council (WWC), immirata sabiex tkabbar it-tagħlim, tibni impenn politiku, u tiġġenera azzjoni fejn jidħlu suġġetti li huma kritiċi għall-immaniġjar tal-ilma. Din il-konferenza tinżamm darba kull tliet snin.
Waqt numru ta’ interventi matul il-ġurnata, il-Ministru Mizzi spjega l-kundizzjonijiet u d-diffikultajiet li tiffaċja Malta fil-qasam tal-ilma, ikkawżati minn klima niexfa flimkien mad-domanda għall-ilma. Il-fatt li Malta hija gżira, u għalhekk iżolata permezz tal-baħar, ikompli iżid ma’ dawn l-isfidi. Dan fisser li Malta kellha tiżviluppa riżorsi u teknoloġija mhux konvenzjonali sabiex tissuplixxi riżors ta’ ilma stabbli lill-popolazzjoni u industriji Maltin.
“L-immaniġġjar tal-ilma f’Malta jibda minn perspettiva ta’ nuqqas ta’ ilma, u b’hekk jimmira li jiżviluppa strateġiji b’saħħithom ibbażati fuq l-immaniġġjar tad-domanda kif ukoll metodi għaż-żieda tal-provvista. Il-pjan għall-immaniġġjar tal-ilma, ippreżentata fit-tieni River Basin Management Plan, tagħti wkoll importanza lejn il-pjanijiet fuq il-futur u l-impatt tat-tibdil fil-klima”, żied jgħid il-Ministru.
Il-Ministru spjega kif il-Gvern Malti jimmira li jtejjeb l-użu tal-ilma f’kull livell u settur – mhux biss min-naħa tal-provvista, iżda wkoll minn kull min jagħmel użu mill-ilma, permezz ta’ programmi ta’ tagħlim u appoġġ. Hu emfasizza l-importanza tar-rabta bejn l-enerġija u l-ilma u stqarr li rridu nkomplu ntejbu l-effiċjenza u t-titjib tal-enerġija użata sabiex niġġeneraw l-ilma.
“Wieħed mill-objettivi tal-qafas tal-pjan Malti hu l-iżvilupp fl-użu tal-ilma f’wieħed ta’ net zero impact fuq l-ambjent, billi jipprovdi ammont ekwivalenti lura lill-ambjent ta’ dak li jintuża. Barra minn hekk, investimenti fl-effiċjenza tal-enerġija jimmiraw sabiex żieda fid-domanda għall-ilma ma jirriżultawx f’żieda fl-energy footprint.”
Il-Ministru Mizzi innota li l-Gvern Malti huwa favur koperazzjoni b’saħħitha fil-qasam tal-ilma u awgura riżultati pożittivi mill-World Water Forum. Hu żied li s-suġġett tal-ilma m’għandux jiġi diskuss waħdu, iżda irid jikkunsidra suġġetti “orizzontali” bħalma huma l-istħarriġ, it-titjib fil-governanza, u research and development.
Il-Ministru emfasizza l-impenn tal-Gvern Malti biex jikkontribwixxi f’dawn it-temi orizzontali sabiex inkomplu nipprovdu l-esperjenza u l-istħarriġ meħtieġ biex nirrispondu għall-iskarsezza tal-ilma u nipprovdu sigurtà ta’ provvista, filwaqt li nipproteġu l-ambjent.