It-12-il International Spring Orchestra Festival | One News

Notifiki

It-12-il International Spring Orchestra Festival

Għat-tnax-il edizzjoni tiegħu, l-International Spring Orchestra Festival ingħaqad flimkien ma’ Festivals Malta u mal-Fondazzjoni Valletta 2018.  L-ISO Festival, imsemmi u rinomat f’diversi oqsma, ser jibda fis-6 ta’ April 2018 permezz tat-tnedija ta’ disat ijiem bi prestazzjonijiet ta’ kwalità għolja tal- mużika klassika li jinkludu artisti ewlenin internazzjonali u Maltin.

Din is-sena ser ikun hemm ismijiet ta’ fama mondjali bħall-pjanist Spanjol Bask Joaquín Achúcarro, u l-kantanti tal-opra Mariinsky u ta’ San Pietruburgu Yuri Vlasov u Larisa Paminova, u l-konduttur Brian Schembri.  Artisti magħrufa oħra jinkludu l-pjanisti Franċiżi Roland Conil u Véronique Muzy, il-vjolinist Ġermaniż Hans-Peter Hoffman, il-kompożitur Taljan Dimistri Scarlato, l-Ungeriżi Somogyi String Quartet, il-European Union Chamber Orchestra, l-Aquilon Trio u t-Tyresias Ensemble minn Londra, u l-Baltic Neopolis Virtuosi mill-Polonja.  B’kollox ser isiru disa’ kunċerti fit-Teatru Manoel, fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija, fi Pjazza Teatru Rjal, u fis-Soċjetà Maltija tal-Arti (Palazzo De La Salle) – bil-parteċipazzjoni ta’ solisti, ensembles, u orkestri, li ser ikunu qed jinterpretaw firxa wiesgħa ta’ xogħlijiet minn Beethoven u r-Romantiċi,  sa Bartok, Stravinsky u mużika kontemporanja.

Il-kunċert ta’ tnedija tal-Festival li ser isir il-Ġimgħa, 6 ta’ April ġewwa t-Teatru Manoel ser jippreżenta programm eċċellenti mis-sopran Larisa Pominova, il-baxx Yuri Vlasov, il-European Union Chamber Orchestra, u d-direttur Brian Schembri. Xogħlijiet oħra fil-programm jinkludu Pentimenti, ix-xogħol il-ġdid ta’ Fiorini, u t-Tieni Sinfonija ta’ Honegger.  Ser ikollna wkoll iċ-ċans, għall-ewwel darba f’Malta, li nisimgħu għal ċelesta ta’ veru, miġjuba mill-Italja b’mod speċjali għal din l-okkażjoni.

Sir Simon Rattle jemmen li “hemm xi ħaġa speċjali ħafna dwar Joaquín Achúcarro.  Huma verament ftit il-pjanisti fid-dinja li jistgħu joħorġu dak il-ħoss mill-pjanu”.  Nhar il-Ħadd, it-8 ta’ April ser ikollna opportunità rari biex fit-Teatru Manoel nisimgħu u naraw quddiemna lil Achúcarro, ta’ 85 sena, jinterpreta l-Preludji kollha ta’ Op 28 ta’ Chopin, b’mużika minn Claude Debussy (dis-sena timmarka l-mitt sena mill-mewt tiegħu), u Hommage à Debussy ta’ Falla. Il-kuncert jibda fis-6pm.

Nhar it-Tnejn, id-9 ta’ April, fis-7pm, it-Teatru Manoel ser jospita kunċert uniku mill-pjanisti virtuosi Roland Conil u Véronique Muzy u l-perkussjonisti Christian Bini u Pierre Quiriny li ser idoqqu s-Sonata for Two.  L-ewwel nofs tal-programm ser ikun jikkonsisti minn premières dinjija ta’ xogħlijiet ġodda ta’ Roland Conil u Dominique Lièvre li jittrattaw suġġetti mill-antikwità.

It-Tlieta u l-Erbgħa, l-10 u l-11 t’ April rispettivament, ser ikunu ddedikati lis-serje popolari tal-ISO Festival, ir-Rising Stars, pjattaforma ddedikata għat-talent żagħżugħ.  Din is-sena, il-pjanisti tagħna huma Jean Marc Fabri, Francis James Zammit, Daphné Delicata u Daniel Zak Borg.  Iż-żewġ kunċerti ser isiru fis-7pm ġewwa s-Soċjetà Maltija tal-Arti u d-dħul huwa bla ħlas.

Nhar il-Ħamis, it-12 ta’ April, il-grupp ibbażata Londra, l-Aquilin Trio, ser jagħmlu d-debutt Malti tagħhom ġewwa s-Soċjetà Maltija tal-Arti.  Ix-xogħlijiet jinkludu t-trio Contrasts ta’ Bartok u l-verżjoni trio ta’ Histoire du Soldat ta’ Stravinsky kif ukoll t-trio bikri u tant popolari ta’ Khachaturian u l-première ta’ Triptych ta’ Timothy Salter.  Il-kunċert jibda fit-8pm.

L-għada, il-Ġimgħa, it-13 ta’ April ser ikollna żewġ kunċerti.  L-ewwel wieħed, spettaklu minn Ritmi-KA, grupp ta’ ħamsin student mill-Kulleġġ Santa Margerita, Bormla, taħt id-direzzjoni tal-HOP TRIO minn Marsilja.  Din hija t-tielet sena konsekuttiva li l-ISO Festival ingħaqad ma’ Education+ biex iġib lejn il-Belt Valletta tliet perkussjonisti ta’ kalibru biex jaħdmu ma’ dawn l-istudenti.  Bl-għajnuna tal-għalliema tagħhom, huma ser jittrasformaw l-esperjenza f’xogħol li ser jitwettaq fi Pjazza Teatru Rjal fin-12.30pm.  Id-dħul huwa bla ħlas.

It-tieni kunċert ser isir fis-Salon tal-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija fit-8pm.  Is-Somogyi String Quartet, ibbażat f’Budapest, ser jinterpreta l-Quartets ikoniċi Nri 2 & 6 ta’ Bartok u Three Pieces ta’ Stravinsky miktuba fl-1914 – mużika li poeta Amerikan ta’ dak iż-żmien xebbah ma’ “a pale smoke of violin music blowing over the moon”.

Il-Festival ser jagħlaq nhar is-Sibt, l-14 ta’ April, b’kunċert orkestrali tal-kamra fit-Teatru Manoel fit-8pm, bil-parteċipazzjoni tal-London Tyresias Ensemble u l-Baltic Neopolis Virtuosi mill-Polonja taħt il-bakketta tal-kompożitur-direttur Dimitri Scarlato.  Il-programm jinkludi Musique Funèbre ta’ Lutoslawski, premières dinjija minn Fiorini u Scarlato, u d-Divertimento for Strings ta’ Bartok.

Għal aktar informazzjoni u għal aġġornamenti regolari dwar l-avvenimenti, żur is-sit web tal-ISO Festival – http://www.iso-festival.com.  Il-biljetti, minn €10 sa €30, huma disponibbli mill-uffiċċju tal-ibbukkjar ġewwa t-Teatru Manoel jew minn http://www.teatrumanoel.com.mt/default.asp?m=shows&id=732.  Tfal taħt il-15-il sena u studenti tas-Soċjetà Maltija tal-Arti jkollhom dħul bla ħlas.  Studenti oħra u anzjani jkollhom skont ta’ 50%.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend