Ċifri ppubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li bejn Ottubru u Diċembru li għadda, Malta kellha bilanċ ta’ aktar minn €328 miljun fil-kont kurrenti, jiġifieri €134 miljun aktar milli kien fl-istess tliet xhur tal-elfejn u sittax.
Il-kont kurrenti jirrappreżenta t-tranżazzjonijiet finanzjarji internazzjonali tad-dħul u l-infiq minn tliet sorsi ewlenin.
L-Uffiċċju tal-Istatistika qal li dan it-titjib fil-bilanċ kien ġej l-iżjed mill-qasam tas-servizzi, li waħdu kellu bilanċ ta’ kważi €844 miljun. Dawn jinkludu fost oħrajn id-dħul mit-turiżmu u t-trasport.
Iċ-ċifri proviżorji tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru wkoll li r-riservi tal-pajjiż żdiedu bi kważi ħamsa u għoxrin miljun ewro meta mqabbel mat-tnaqqis ta’ aktar minn sebgħa u ħamsin miljun ewro fl-istess xhur fl-elfejn u sittax.