B’referenza għall-artiklu li deher illum, id-19 ta’ Marzu 2018 fil-gazzetta In-Nazzjon bit-titlu ‘Priġunier diskriminat…ma jitħalliex imur jara lil ommu mejta’, il-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, wara li kkonferma mal-awtoritajiet tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, saħaq li ma saret l-ebda diskriminazzjoni lejn il-priġunier imsemmi fl-artiklu. Sostna li l-proċedura tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin f’dawn is-sitwazzjonijiet hija li l-priġunieri jattendu għall-funeral u għad-difna.
Fi stqarrija l-Ministeru spjega li l-imsemmi priġunier mhux biss ingħatalu l-permess biex jżur lil ommu waqt li kienet għadha ħajja, iżda wkoll ingħata l-permess biex imur il-kamra mortwarja qabel il-funeral, minħabba li ma xtaqx imur għad-difna. Huwa għalhekk li l-priġunier għażel li jattendi biss għall-funeral u għad-difna, skont il-proċedura tal-Faċilità. Dan jixhed il-fatt li l-priġunier ma kienx assolutament iddiskriminat kif jallega l-artiklu u fl-ebda ħin ma ġie mċaħħad li jmur jara lil ommu.