Ara: Santa Venera bil-wirjiet tal-Ġimgħa Mqaddsa sa mill-1985 | One News

Notifiki

Ara: Santa Venera bil-wirjiet tal-Ġimgħa Mqaddsa sa mill-1985

Waħda mill-attivitajiet prinċipali li jorganizza l-Kumitat Festi Esterni Santa Venera hija l-wirja marbuta ma’ żmien il-Ġimgħa l-Kbira. Din il-wirja l-Kumitat ilu jorganizzaha sa mis-sena 1985 u kull sena jkun hemm varjazzjoni f’dak li jiġi esebit.

Din is-sena ser tikkonċentra fuq xogħlijiet ta’ minjaturi ta’ statwi li nħadmu minn artisti differenti – kemm Maltin kif ukoll barranin. Fost l-esebiti li ser naraw din is-sena nsibu dawk li huma x’aktarx il-buzzetti tal-figuri tad-Duluri u San Ġwann xogħol ta’ Karlu Darmanin, li nsibu fil-vara l-kbira fil-parroċċa ta’ San Ġorġ Ħal Qormi. Ser insibu ukoll il-buzzett tal-vara ta’ Marija Addolorata meqjuma fil-knisja Parrokkjali ta’ Santa Venera, xogħol ta’ Alfred Camilleri Cauchi.

Insibu wkoll sett vari tal-Istatwarju Renzo Gauci kif ukoll sett statwi ta’ Anthony Magri, sett tad-Dilin, tad-Diżma u ħafna oħrajn. Se jkun hemm Kurċifiss tal-istatwarju u induratur Pullu Magro tal-Floriana, Kurċifissi ta’ Leċċe, Bolzano, Spanja u Ġerusalemm. F’din il-wirja ser ikun hemm esebiti wkoll kollezzjoni ta’ madwar 220 Kurċifissi, kollezzjoni ta’ bustijiet tal-Wiċċ ta’ Kristu u santi antiki li kollha għandhom rabta mal-Passjoni ta’ Sidna Ġesù Kristu.

Fuq inizjativa ta’ wħud mill-membri, inħadmu wkoll numru ta’ platti iddekorati bis-smid li wkoll ser ikunu esebiti għall-pubbliku. Id-dħul huwa b’xejn u dan kollu ser ikun fiċ-Ċentru Parrokkjali Santa Venera f’numru 388, Triq il-Kbira San Ġużepp, Santa Venera, bejn it-18 sa 30 ta’ Marzu bil-ħinijiet li huma hawn taħt.

Fost il-Ġimgħa:

Mill-17:30 sat-20:00

Sibtijiet u Ħdud:

Mid-09:00 sas-13:00 u mill-17:30 sat-20:00

Jum id-Duluri:

Mid-09:00 sal-22:00

Ħamis ix-Xirka:

Mid-09:00 sa’ nofsilejl

Nhar il-Ġimgħa l-Kbira:

Mid-09:00 sas-14:00

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend