Ikompli l-ġuri ta' Herman McKay | One News

Notifiki

Ikompli l-ġuri ta’ Herman McKay

Daħal fit-tieni jum tiegħu, il-ġuri dwar il-każ ta’ Herman McKay li jinsab mixli bi traffikar ta’ aktar minn nofs kilo doga eroina.

Fil-qorti d-difiża nnutat diskrepanza fix-xhieda li ngħatat fl-elfejn u disgħa minn dik li tal-kuntistabbli fil-qorti matul il-ġuri.

L-akkużat ta’ erbgħa u tletin sena kien arrestat f’nofs Awwissu tal-2007 fi Triq is-Serkin, il-Marsa wara li l-Puluzija irċiviet tagħrif li kien qed jittraffika d-droga.

Fil-Qorti, l-Erbgħa filgħodu, il-kuntistabbli ddeskriva kif qabel l-arrest McKay rema ċ-ċwievet tal-karozza tefgħa ta’ ġebla ‘l bogħod minn fejn kienet ipparkjata.

Jirriżulta iżda li McKay intervjena waqt li l-Puluzija kienu qed ifittxu fil-karozza wara li ġabru ċ-ċwievet mill-art. Huwa fetaħ kompartament fil-karozza u ħareġ borża kannella b’żewġ boroż tal-plastik b’sustanza kannella.

McKay irreżista lill-Puluzija li dak il-ħin ippruvaw iżommuh u dlonk gidem il-borża bi snienu, u xerred l-kontenut tagħha mal-art.

Il-Kunstistabbli spjega wkoll kif wara li żammew lill-akkużat għattew il-kontenut tal-boroż imxerrda fit-triq bil-gazzetti u biċċiet tal-kartun sabiex jippresevaw ix-xena peress li kienet ġurnata bir-riħ.

Ix-xhud żied jgħid li waqt li kien qed jipprova jikkontrolla lil McKay imtela’ bis-sustanza li pprova jxerred l-akkużat u saħansitra ddeskriva lilu nnifsu bħala ħuta mgħottija bit-dqiq.

Madankollu d-difiża magħmula minn Dr Franco Debono u Marion Camilleri, innutat kif din id-deskrizzjoni kienet ħafna iktar dettaljata minn dik tal-elfejn u disgħa minkejja li wara ħdax il-sena wieħed jkun mistenni li jinsa xi affarijiet.

Il-Kunstistabbli wieġeb billi qal li fl-elfejn u disgħa x-xhieda tiegħu kienet biss ta’ madwar tlett minuti u ma weġibx mistoqsijiet speċifiċi.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend