Il-Mizien tal-Qorti | One News

Notifiki

Il-Mizien tal-Qorti

Ili midħla tal-qrati għal dawn l-aħħar 52 sena. U fuq ċerti ħwejjeġ inkemmex xofftejja, bħal ħafna nies oħra. Jien niftakar żmienijiet meta kien hemm Presidenti Sir Anthony Mamo u l-Profs JJ Cremona u mħallfin bħal Guzè Flores u oħrajn. Kien hemm ċertu attitudni li wieħed iħossu kburi li qed jagħtu s-sehem tiegħu lill istituzzjoni importanti. Ma kienux iqisuha professjoni biss. Anke registraturi, bħal Prof Victor Borg Costanzi u Dr Victor Borg Grech, li l-proċedura veru kien jafha.

Ikolli ngħid li l-miżien tħawwad xi ftit. Dawn il-ġranet ex Imħallef li jgħallem l-università qalli kif qed jitfixkel b’sentenzi kontra xulxin  fuq l-istess prinċipju. U huwa jrid jgħallem lill-istudenti.

Pero’ dan hu l-miżien tal-bnedmin. Ma tinstenniex li jkunu preċiżi daqs miżien mekkaniku jew diġitali.  U llum dan il-miżien li qed jinkwetani.

Saru lifts ġodda, l-aktar li jużaw in-nies. Issa aktar qed jużawha għax għamlu żewġ awli ġodda u dawn qegħdin fit-tielet sular. Il-qodma kienu misjurin u kien ilhom hemm minn meta nfetaħ il-Qorti fi Triq ir-Repubblika,  fil-bidu tas-snin 70.

Ikolli ngħid li kultant dawn il-lifts iġibu sitwazzjoni tal-biki. Tkun xortik tajba jekk tirkeb, u jkun hemm żewg persuni fil-lift.  Titla’ pespusa u malajr l-lift jghidlek b’mod solenni (għax jitkellem ukoll)  li overweight. U jkollok tinżel. Issa dan il-lift jgħidlek li jiflaħ 450 Kg. Tnejn min-nies li bejniethom iġibu qrib 450 kg tagħtihom rashom x’ħin jisimgħu li  b’ġonta ta’ persuna qabżu l-piż.

Dan meta jaħdmu.  Altrimenti jidher li qishom daħlu malajr mal-gvern, u joħorġu bis-sick leave, daqqa wieħed u daqqa l-ieħor, u minn daqqiet it-tnejn li huma. Jiena nifhem li l-Ministru ma marx jagħżel il-lifts hu, imma suppost hemm nies fil-qorti li għandhom responsabbiltà ħalli dawn il-lifts ġodda, jiffunzjonaw sewwa, jew min biegħhom lill-gvern, ikun jaf li mhux qed iservi għall-iskop li għalih inxtraw. Illum biex tlajt mill-ground floor sat-tielet sular ħadt seba’ minuti.  Imbaghad jgħidulek “mghajjat u ma deherx!”

Però hemm hafna li mhux se jibqghu overweight. Ghax wara li jiddejqu jistennew, jitilqu bil-mixi. Darba nzewrtajna Dr Pawlu Lia u jien u bdejna nkantaw.

Miżien ieħor importanti huwa li l-liġijiet ikun up to date. Żmien ilu kollox kien jiddependi fuq li l-ligijiet ikun stampati, u biċċa xoghol biex temenda l-liġi li jkollok. Kien hemm min jidħol għal dan ix-xoghol u jaqla’ biċċa ħobż bil-jam. Issa għall-erwieh il-liġijiet issibhom fuq l-internet. Imma ma nafx x’ġara. Inbidlet liġi, l-Artiklu 417 tal-Kap 9, u  għalkemm għaddew ġimgħat il-bidla ma tidhirx. Sar l-Att tal-Parlament nru 1 tal-2018. U hemm l-artiklu 22 li bidel dan l-artiklu 417 iżda fuq l-internet għadu jidher kollox l-antik.

Dan dettall imma jista’ jkun ta’ nkwiet għal xi ħadd.

Kollox jirranġa ruħu. Imma in-nies tistenna bilanċ fil-ħwejjeġ tal-qrati.

Ta’ QabelLi Jmiss
Gradwat tal-Universita` ta’ Malta fil-ligi fl-1970 meta beda jaħdem ta’ avukat. Gradwat ukoll fil-Letteratura Ingliża, Latin u Filosofija mill-Universita` ta’ Londra. Aktar tard gradwat fl-Ekonomija mill-Universita ta’ Londra. Tela’ l-ewwel darba fil-Parlament 1971, u l-aħħar darba fis-sena 2003. Huwa serva ta' Ministru bejn l-1979 u 1981. Okkupa l-kariga ta' Deputy Leader tliet darbiet, meta kien hemm fit-tmexxija Duminu Mintoff, Karmenu Mifsud Bonnici u Alfred Sant. Għamel 17-il sena jattendi l-Kunsill tal-Ewropa, u kiteb rapport magħruf internazzjonalment bħala The Brincat Report, rapport li wassal għall-konvenzjoni internazzjonali fuq id-drittijiet tal-minoranzi. Illum jaħdem ta’ avukat.

Send this to a friend